“Le papà ... le, le”
Vittma ta’ vjolenza domestika titkellem mal-ILLUM dwar il-fatt li s-sieħeb tagħha kien qed jerfa’ jdejh fuqha quddiem binhom
minn Albert Gauci Cunningham
“Ilbieraħ kont qed nistenna li nieħu lil ibni Zach* lura, hekk kif il-ħin tiegħu ma’ missieru kien għadda. Bl-aktar mod ċar huwa baqa’ jżommu bħal donnu ma riedx iħallih u jien għidtlu li issa l-ħin għaddielu u li rrid nitlaq. Malli għidtlu hekk, għamel għalija, assaltani u qabad jerfa’ jdejh fuqi. Zach beda jgħajjat le papa, le, le”
Hekk qalet Abigail* meta kkuntattjata minn l-ILLUM, sena biss wara li kienet hi stess li spiċċat fuq il-mezzi tax-xandir hekk kif il-missier kien ħataf lil ibnu, ħebb għaliha u żammu għandu għal numru ta’ siegħat. Dakinhar, jiġifieri f’Awwissu tas-sena l-oħra, il-midja kienet irraportat kif permezz ta’ rikors urġenti, il-Qorti ddeċidiet li tibgħat marixxall biex Zach jingħata lura lil ommu.
“Mhux l-ewwel darba din li refa’ jdejh fuqi quddiem it-tifel, u kull darba Zach jibda jgħid “le, le papà” jew “le, le mamà”. Qalbi tinqasamli kull darba li jiġri hekk, imbagħad meta reġa’ refa’ jdejh fuqi l-aħħar, ma flaħtx iżjed” sostniet Abigail. L-ILLUM staqsiha iżda għalfejn ħasset il-bżonn li tiftaħ qalbha fuq is-sit soċjali Facebook u jekk tħossx li qed titfa’ lilha nnifisha f’xi ftit periklu. “Tant kont ilni naqla’, li fl-aħħar għidt lili nnifsi li ma niflaħx għal iktar u li agħar milli kont, ma nista’ nkun qatt” sostniet. Hija marret lura fiż-żmien meta kienet għadha tqila u qalet lill-ILLUM li b’sitt xhur tqala kienet spiċċat l-isptar wara li missier it-tarbija kien taha xeba’ tajba.
‘Imma allura ma fittixtx l-għajnuna?’ staqsa dan il-ġurnal. Hija tgħid li dak iż-żmien, meta kienet fit-tqala, u bil-bidliet kollha li kienet għaddejja minnhom ħasset li aħjar iżżomm kollox għaliha, taċċetta aktar uġigħ u tibqa’ fir-relazzjoni biex binha jkollu familja.
Nitlaq jew nibqa’ minħabba t-tfal?
Id-dilemma li ffaċċjat Abigail mhux xi ħaġa ġdida fost dawk in-nisa li jgħaddu minn problemi ta’ vjolenza domestika. Fil-fatt huma bosta dawk il-vittmi li jiġu bejn ħalltejn jekk għandhomx jibqgħu fir-relazzjoni minħabba t-tfal, jew jekk għandhomx iħollu r-relazzjoni minħabba l-istess tfal.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Istudji tal-Ġeneru fl-Università ta’ Malta u membru eletta fil-GREVIO (Group of Experts against Violence on Women and Domestic Violence), Marceline Naudi spjegat kif fil-verità, meta vittma ta’ vjolenza domestika tibqa’ f’relazzjoni mimlija tensjoni minħabba t-tfal tkun qed tagħmel aktar ħsara milli ġid.
“Jekk bejn il-koppja jkun hemm ċertu ammont ta’ tensjoni u biża’, dan se jkun trażmess lit-tfal. Mhux fis-sens li tittrażmettih il-mara, imma fis-sens li t-tfal iħossu huma wkoll dik it-tensjoni”, sostniet Naudi. Hija ddeskriviet bħala “sfortuna” li jkun hemm min jirraġuna li “aħjar nibqa’ naqla’ basta ma nkissirx familja”, raġunament li jista’ jkun frott ukoll tal-idea popolari li t-tfal ta’ ġenitur wieħed huma żvantaġġjati.
“Jekk għaddejja minn problemi serji, li jinkludu vjolenza domestika, jkun aħjar li toħroġ mir-relazzjoni. Dan ma jfissirx li mhux se jkun hemm problemi” qalet Naudi, li fil-fatt żiedet tgħid kif meta titlaq, xorta jkun hemm ċerti perikli. “Għall-bidu se tkun diffiċli u l-imġiba tat-tfal se tkun xi ftit jew wisq ta’ sfida”. Naudi spjegat kif “l-affarijiet xorta mhux se jinbidlu sempliċiment għax ir-relazzjoni tintemm,” għalkemm baqgħet issostni li din tibqa’ l-aħjar għażla.
Tfal li jaraw il-vjolenza mhux neċessarjament isiru vjolenti
Minkejja kollox, il-perċezzjoni li kull tifel jew tifla li jaraw il-vjolenza domestika quddiemhom isiru vjolenti huma, mhux eżattament korretta. Naudi tikkonferma dan mal-ILLUM għalkemm tgħid li xorta jibqa’ fatt li subien li jitrabbew f’ambjent fejn il-vjolenza hija komuni “għandhom iktar ċans li jkunu vjolenti”. Min-naħa l-oħra tifla li titrabba fl-istess ambjent “għandha aktar ċans li tkun vittma.”
“It-tfal jafu x’inhu jiġri u jħossu t-tensjoni anke jekk ma jarawx” qalet Naudi li semmiet każ li darba kellha quddiemha ta’ mara li kienet qaltilha li darba, żewġha sakkar lit-tfal fil-kamra tas-sodda biex (mingħalih) ma jaraw jew iħossu xejn u wara taha xeba’ kbira fil-kċina.
“Tant kont ilni naqla’ li fl-aħħar għidt lili nnifsi li ma niflaħx għal iktar u li agħar milli kont, ma nista’ nkun qatt”
Hija temmet tgħid li dan l-ambjent joħloq ħafna rabja u anke konfużjoni fost it-tfal.
Iċ-ċirku ta’ vjolenza: Iċ-ċirku vizzjuż
Il-vjolenza tista’, għalkemm mhux dejjem, tirrepeti ruħha f’ċirku ta’ atteġġjament li jista’ jkun vizzjuż u anke tossiku għar-relazzjoni nnifisha, għall-mara, għat-tfal u anke għall-agressur innifsu. Lenore E. Walker psikoloġista li waqqfet l-Istitut ta’ kontra l-Vjolenza Domestika kienet iffurmolat it-teorija taċ-ċirku ta’ abbuż u vjolenza.
Għalkemm huwa fatt li mhux kull relazzjoni vjolenti tgħaddi minn dawn il-fażijiet, hija komuni ħafna li numru kbir ta’ vittmi ta’ vjolenza domestika jgħaddu minn erba’ fażijiet.
L-ewwel ikun hemm l-inċident vjolenti li jkun ilu jinħema u li jwassal biex il-vittma tkun assaltata fiżikament, b’mod, xi minn daqqiet gravi. Din il-parti taċ-ċirku hija l-parti tal-problema illi tispiċċa fil-pubbliku. Jiġifieri meta nisimgħu jew naraw każi gravi ta’ vjolenza domestika, l-probabbiltà hija li qed naraw biss il-kawża ta’ katina ta’ problemi li jkunu ġraw qabel.
Wara dan, tibda l-fażi ‘Buy Back’ fejn fiha l-aggressur jibda jipprova jerġa’ jressaq lill-vittma lura lejh. Dan jagħmlu billi jġib ħafna skużi għall-atteġġjament tiegħu, inaqqas l-effett li seta’ ħalla l-inċident vjolenti, jitfa’ l-ħtija fuq il-vittma jew xi minn daqqiet jitkarrab għall-maħfra. Hija f’din il-fażi delikata illi l-vittma jista’ jkun li titħassar lill-agressur jew inkella’ tħoss li m’għandiex biżżejjed appoġġ lil hinn minnu u għalhekk terġa’ tmur lura.
It-tielet fażi hija dik tal-‘qamar il-għasel’ fejn il-koppja jħossuhom ferħanin u kuntenti se jtiru, kollox ikun qisu perfett u ma jkunx hemm inċidenti vjolenti. F’din il-fażi, l-inċident vjolenti jkun xi ftit jew wisq intesa’ u l-vittma tħoss li mhux se jkun ripetut.
Dan sakemm tibda l-aħħar fażi, dik tat-tensjoni, meta jibda l-gideb, il-komunikazzjoni tonqos u r-relazzjoni tibda tieħu tisbita ’l isfel. Dan iżid it-tensjoni u l-argumenti bejn il-koppja u finalment iwassal għal inċident ieħor vjolenti.
Kemm dan iċ-ċirku jdum idur jiddependi minn bosta fatturi fosthom il-familja u l-istima li l-vittma jkun għad fadlilha tagħha nnifisha. Imma jdur kemm idur ġeneralment idur l-istess bil-vittma tgħaddi mill-istess fażijiet li eventwalment iwasslu dejjem għall-vjolenza u l-abbuż.
*Minkejja li l-vittma ma kellha ebda problema li tissemha b’isimha jew jittellgħu ritratti tagħha, dan il-ġurnal ħa d-deċiżsjoni konxja illi juża ismijiet fittizji biex b’hekk tkun protetta l-identita’ tal-vittma.