Bulgari 'impurtati' u mħallsin bit-€3.80 fis-siegħa
Dan xorta hu t-tripplu li jaqilgħu f'pajjiżhom fejn jitħallsu b'€1.2 fis-siegħa
More in Socjali
Dan xorta hu t-tripplu li jaqilgħu f'pajjiżhom fejn jitħallsu b'€1.2 fis-siegħa
Ir-rapport tal-ILLUM kien żvela kif minn informazzjoni mogħtija lill-gazzetta minn numru ta’ persuni, inkluż ċittadini Bulgari, lukanda partikolari kienet stabbiliet kuntatti ma’ aġenzija Bulgara li qed tforni lill-lukanda b’ħaddiema Bulgari f’xogħolijiet relatati ma’ maintenance, waiters u chambermaids. Dawn il-ħaddiema jitħallsu bir-rata ta’ €3.80 fis-siegħa, li minnhom il-Bulgari jagħtu bejn 10ċ u 20ċ fis-siegħa lill-aġenzija li tkun ġabithom fil-pajjiż.
L-ILLUM irraporta kif is-sorsi spjegaw li apparti minn dan kollu, il-ħaddiema kienu qed ikunu dikjarati bħala ‘self-employed’ biex b’hekk ma jingħatawx il-benefiċċji li huma intitolati għalihom. Jidher li dan l-abbuż qed ikun ‘mgħotti’ billi min iħaddem jiddikjara siegħat inqas milli fil-fatt l-impjegati jkunu għamlu u b’hekk ir-rata ta’ ħlas fis-siegħa tkun tidher li hija aktar.
Minkejja l-informazzjoni li ngħatat, dan il-ġurnal għadu qed isib ħajt għoli ta’ omerta’ fil-każ kollu hekk kif bosta mill-ħaddiema Bulgari jħossu li m’għandhomx jitkellmu, anke jekk il-kundizzjonijiet li qed jitħaddmu bihom huma prekarji. Dan, l-aktar minħabba l-fatt li lura f’pajjiżhom il-paga minima hija ta’ 2.20 Lev (il-munita Bulgara) li hi ekwivalenti għal €1.12, li jfisser li dak li qed jaqilgħu hawn Malta, qabel ma jinqatgħu l-flus li jingħataw lill-aġenzija, jammonta għal €2.68 fis-siegħa aktar mill-paga minima tal-Bulgarija.
Huwa fatt magħruf ukoll, speċjalment f’ċerti żoni bħal San Ġiljan, Paceville, imma speċjalment f’Buġibba u l-Qawra li dawn il-ħaddiema li qed ikunu sfruttati fil-prekarjat jiffrankaw l-ispejjeż billi jaqsmu l-kera ta’ appartament b’madwar żewġ kmamar tas-sodda bejn sebgħa jew anke tmienja min-nies. Dawk li tkellmu magħna esprimew il-ħsieb tagħhom li l-problema mhix dwar il-fatt li qed jaħdmu persuni ta’ nazzjonalità barranija, li qed ikunu mogħtijin pagi taħt il-paga minima nazzjonali, imma li l-abbuż qed jiddiskrimina kontra dawk li jridu jaħdmu skont kif stabbilit fil-liġi.
L-ILLUM huwa infurmat li l-istorja li kienet ippubblikata nhar il-Ħadd 28 ta’ Ġunju fuq dan il-ġurnal dwar numru ta’ lukandi li qed ‘jimpurtaw’ ħaddiema Bulgari, iħaddmuhom bit-€3.80 fis-siegħa u jiddikjarawhom bħala ‘self-employed’, qed tkun investigata mill-Pulizija u d-Dipartiment Governattiv ikkonċernat.