Għajnsielem: Viva x-Xemx

Il-Festa u Jien - is-sindku tar-Raħal

Festa : kelma li mingħajr ma trid tifhem li ġejja xi ċelebrazzjoni speċjali, pożittiva u għaliex le, ta’ divertiment ukoll.

Niftakar sew li l-ewwel festa li kont involut fiha kienet dik tal-1977, meta dħalt abbati.  Ma ninsa qatt l-eċitament, ansjetà u l-ferħ meta kont qed ngħin fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ ġol-knisja.  Bħal kull tifel ieħor ta’ dik l-età, il-festa għalija kienet tfisser divertiment mal-ħbieb. Kont nosserva u nammira lill-adulti jagħtu daqqa t’id fl-armar tal-festa u għal dik il-ġimgħa kont nixtieq li kont akbar ħalli jien ukoll nagħti sehmi.

Il-festa tagħna rajtha tikber f’kull aspett tagħha: il-banda u marċijiet, knisja u funzjonijiet ta’ ġewwa, l-armar u elementi partikolari li jagħmlu l-festa tagħna unika.  Niftakar l-istilel u forom oħra magħmula mill-karti tat-tajr li jinxtegħlu bix-xemgħa. Dawn kienu jinġarru mit-tfal u ż-żgħażagħ waqt il-marċ tas-Sibt. Kont nieħu gost nara l-bnadar ta’ diversi pajjiżi fejn hemm l-emigranti tagħna waqt il-marċ tat-tranżlazzjoni. Karatteristiċi oħra huma l-parteċipazzjoni tal-Għajnselmiżi fiż-żfin waqt il-marċijiet, it-tfigħ ta’ kwantità kbira ta’ karti minn fuq il-bjut, u l-ajruplani pirotekniċi li jaqsmu min-naħa għall-oħra tal-pjazza tagħna. Dawn tal-aħħar isiru biex infakkru li l-Madonna ta’ Loretu hija il-patruna protettriċi tal-avjazzjoni.

Kienu dawn l-esperjenzi li bla ma kont naf kienu qed inaqqxu fija mħabba lejn raħal twelidi u dak kollu li hu Għajnselmiż. Maż-żmien, dħalt sew f’dak kollu kien ikun hemm bżonn, eż. fl-armar tat-triqat u tal-knisja, attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi u ħafna aktar xogħol volontarju b’risq ir-raħal. Illum il-ġurnata nokkupa l-kariga ta’ sindku ta’ Għajnsielem fejn il-festa qed ngħixha b’mod u rwol totalment differenti ħafna minn dik ta’ tfuliti iżda jibqa’ l-fatt li kienet il-festa li għenitni nitgħallem inħobb u nagħmel mill-aħjar li nista’ għal Għajnsielem tagħna. 

Festa kompluta hija dik fejn wieħed iżomm bilanċ bejn dak li hu sagru u dak li hu profan.  Fl-opinjoni tiegħi, festa li fiha ma tiħux sehem fil-funzjonijiet ta’ ġol-knisja hija waħda bla sens, għax fl-aħħar mill-aħħar l-iskop ewlieni tal-festa huwa li l-komunità tingħaqad biex titlob u tfaħħar lil Alla u lil ommna Marija taħt it-titlu ta’ Loretu.

Franco Ciangura l-ewwel festa tieghu bhlaa sindku
Franco Ciangura l-ewwel festa tieghu bhlaa sindku

Nawgura l-festa t-tajba lill-Għajnselmiżi kollha u lil dawk kollha li jogħġobhom jiġu jiċċelebraw magħna. 

Franco Ciangura

Għajnsielem hi l-ewwel art li wieħed isib kif jinżel fil-port tal-Imġarr bl-isem ifisser ‘Għajn ta’ Salem’. Isem li ġej mill-Għarbi, meħud minn dik li kienet tinsab f’ħalq Wied Simirat, il-wied li jispiċċa fil-Pjazza tad-Dehra fiċ-ċentru tar-raħal.

L-Għajn ta' 'Hain Salem' li kienet il-bidu tar-raħal, hi marbuta wkoll mal-bini tal-knisja tal-istess raħal, tant li l-knisja u l-għajn huma magħqudin flimkien b'rabta tant intima li l-ħajja ta' dan ir-raħal, kemm storika, ċivili u reliġjuża taf il-bidu tagħha lilha.

Anġlu Grech, imlaqqam 'Ta' Xini' minn Għajnsielem, devot kbir tal-Madonna, kien ta' kuljum jgħidilha r-rużarju, imqar waqt li kien ikun jaħdem fir-raba' tiegħu. Lejla waħda, x’ħin dalam waqt li kulħadd kien qed jistrieħ, Anġlu, kif kellu d-drawwa jagħmel, ħa l-bhejjem tiegħu biex jisqihom mill-għajn imsejħa 'Hain Salem'. F'daqqa waħda mehdi kif kien jisqi l-bhejjem, ġie maħsud minn dehra straordinarja, dehritlu Sinjura, liebsa l-abjad b'qagħda misterjuża, kellmitu u ordnatlu li jwaqqfilha statwa taħt it-titlu glorjuż ta' Loreto. Mhux biss, imma wrietu wkoll il-post fejn għandha titpoġġa din l-istatwa jiġifieri fl-istess lok li fuqu llum tinsab mibnija l-knisja parrokkjali. Bla telf ta' żmien, l-għada filgħodu, it-twajjeb Anġlu Grech fisser lil xi wħud id-dehra li kellu u l-ordni li tatu s-Sinjura. Ferħanin b'din l-aħbar u mingħajr ma qagħdu jitnikkru, in-nies għamlu ġabra bejniethom u ordnaw statwa tal-ġebel taħt it-titlu ta’ Loreto u sakemm tlestiet l-istatwa, huma ħadu ħsieb jibnu niċċa biex fiha titpoġġa l-istatwa.

Id-devozzjoni lejn il-Madonna ta' Loreto kibret maż-żmien, tant li darba fis-sena, b’data mhux fissa, bdiet issir festa ċkejkna. Fil-jum tal-festa, ir-Reverendu Kappillan tan-Nadur li f'dak iż-żmien kien il-kappillan ta' Għajnsielem ukoll, kien jinzel bil-kleru kollu tiegħu u quddiem l-istatwa kien jagħmel fil-beraħ, għasar kantat u prietka taċ-ċirkostanza. Dawn id-devozzjonijiet damu jsiru għal żmien twil sakemm mal-bidu tas-seklu 19, in-nies ta' Għajnsielem iddeċidew li jibnu knisja ddedikata lil Madonna ta' Loreto, fl-istess post fejn kien hemm in-niċċa tal-Madonna magħmula minnhom żmien qabel.

Fl-1920 inbniet il-knisja fejn għadha sal-lum. Kienet saret parroċċa fis-26 ta’ Jannar 1855. Iżda fil-bidu tas-seklu 20 inbniet knisja oħra ġdida b’arkitettura Gotika, fejn l-ewwel ġebla kienet tbierket fl-24 ta’ Settembru 1924. Il-Knsija ġiet imbierka fis-27 ta’ Awwissu 1978 u kkonsagrata fit-18 ta’ Awwissu 1989.

L-istatwa tal-Madonna

Fl-1920 fuq l-inizjattiva tal-Kappillan Mizzi u sħabu s-saċerdoti ta' dak iż-żmien, saret biċċa xogħol delikata ħafna fuq l-istatwa titulari  tal-Madonna ta' Loreto li kienet ta' suċċess, dik tal-induratura tal-istatwa. Però, qabel l-istatwa ġiet indurata, kien hemm bżonn li jsiru xi modifikazzjonijiet. L-istatwa ma kinitx kif nafuha llum. Oriġinarjment, il-libsa tal-Madonna kienet lixxa, sħaba taħt riġlejha ma kellhiex, l-anġli kienu ftit aktar 'l isfel u affarijiet oħra li meta ġew mibdula, taw dehra isbaħ lill-istatwa. Din il-biċċa xogħol kienet saret minn Wistin Camilleri. L-istatwa ġiet meħuda Għawdex fuq id-dgħajsa tal-Latini Numru 10 ta' Salvatore Xuereb minn Ta' Pupull nhar is-26 ta' Awwissu 1920.

Informazzjoni miksuba minn Antonella Grima

 

More in Socjali