Malta b’riżultati pożittivi ħafna fil-qasam tal-bejgħ
... u bit-tieni l-inqas rata ta' qgħad fl-Ewropa f'Lulju ta' din is-sena
More in Socjali
... u bit-tieni l-inqas rata ta' qgħad fl-Ewropa f'Lulju ta' din is-sena
Ċifri tal-Eurostat huma aħbar tajba ħafna għall-ekonomija hekk kif kollox jindika li pajjiżna qiegħed jiżboq lill-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda kunfidenza fil-bejgħ, f’oqsma bħall-kostruzzjoni u anke fil-kunfidenza tal-konsumatur. Minkejja li r-riżultati kienu pożittivi f’kull qasam, f’dak tal-kostruzzjoni, pajjiżna litteralment jidher li qed jiġri b’kulħadd b’indiċi pożittivi ta’ 30, filwaqt li l-pajjiżi l-oħrajn qed jirreġistraw sens negattiv ħafna f’dan il-qasam.
Ħarsa lejn iċ-ċifri tal-UE juru kif fil-qasam tal-bejgħ, l-ottimiżu laħaq l-ogħla livelli tiegħu f’Ġunju meta l-indiċi laħaq l-24.2. Fuq bażi ta’ sena, in-negozjanti huma ħafna iktar pożittivi minn oħrajn f’pajjiżi tal-madwar. Fil-fatt, filwaqt li f’Malta l-indiċi ta’ kunfidenza tela’ għal 17, fl-Italja kien 10.8, fi Spanja 13.5, fil-Ġermanja 2.5 u fi Franza l-indiċi kien saħansitra negattiv b’-2.1. Fil-Greċja, kif mistenni, l-indiċi kien negattiv ħafna b’-31, l-aktar minħabba miżuri li ttieħdu jew għad iridu jittieħdu u anke l-inċertezza politika.
Fil-qasam tal-kostruzzjoni pajjiżna din is-sena qed jikseb riżultati tajbin ħafna, fil-fatt huwa wieħed mit-tliet pajjiżi li qed jirreġistraw sens pożittiv fost dawk li jaħdmu fih. Filwaqt li l-Greċja qed tirreġistra indiċi ta’ -67, Franza -44, Ċipru -41, il-Polonja -25 u l-Awstrija -16. Malta rreġistrat riżultat impressjonanti ta’ 28 fl-indiċi ta’ kunfidenza flimkien ma’ żidiet żgħar fil-Lussemburgu u l-Iżvezja.
Għalkemm mhux waħedha b’riżultati pożittivi Malta qed tirreġistra wkoll sens pożittiv ħafna fost dawk li jaħdmu fil-qasam tas-servizzi fejn f’Awwissu rreġistrat indiċi pożittiv ta’ 21.8.
Riżultati tajbin fil-qasam tax-xogħol għal pajjiżna
F’Lulju, pajjiżna kellu t-tieni l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea. Ir-rata ta’ 5.1% hija l-inqas waħda li qatt ġiet osservata mindu l-Eurostat bdiet tiġbor din l-istatistika għal pajjiżna. Malta bħalissa għandha rata ta’ qgħad inqas min-nofs dik osservata fil-bqija taż-żona ewro.
Fi stqarrija il-Gvern fakkar kif fil-leġiżlatura preċedenti, ir-rata ta’ qgħad kienet, bħala medja, 6.5%. "Fi Frar 2010, pajjiżna sa wasal biex jilħaq rata ta’ qgħad ta’ 7.3%, b’distakk ta’ 2.7 punti perċentwali biss mill-medja taż-żona ewro. Illum, bejn ir-rata tal-qgħad f’Malta u l-medja taż-żona ewro hemm distakk ta’ 5.8 punti perċentwali, jew titjib ta’ aktar mid-doppju. L-akbar sors ta’ dan it-titjib kien it-tnaqqis qawwi fir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ. Filwaqt li lejlet l-aħħar budget tal-Gvern preċedenti, din kienet tlaħħaq l-14%, issa r-rata naqset għall-inqas waħda fl-istorja ta’ pajjiżna, 8.7%. Din hija t-tieni l-inqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea, wara dik fil-Ġermanja.
Fl-istqarrija l-Gvern jgħid ukoll li dan huwa frott il-miżuri li ħa l-Gvern fosthom il-garanzija għaż-żgħażagħ, "dik il-miżura li l-Kap tal-Oppożizzjoni f’Mejju tal-2012 kien attakkha bħala “one big menace for our economy” u sejħilha garanzija tal-washing machine.