In-negozjati bejn Malta u l-Vjetnam fejn għandhom x'jaqsmu l-adozzjonijiet tat-tfal jinsabu għaddejjin ġmielhom, biex b'hekk il-koppji Maltin li jkunu jridu jadottaw tfal minn barra l-pajjiż, ikunu jistgħu jagħmlu dan. Daqlwaqt se jkun ukoll iffirmat ftehim fejn se jerġa' jiftaħ l-opportunitajiet għall-koppji Maltin li jkunu jridu jaddottaw tfal mill-Kambodja. Dan wara li adozzjonijiet minn dan il-pajjiż kienu waqfu għal xi żmien.
Dan ġie rrappurtat fil-ġurnal l-orizzont, fejn sostnew li l-adozzjonijiet fir-Russja, li hu l-iktar pajjiż li minnu jsiru adozzjonijiet lejn Malta, kienu qed jiġu affaċjati xi problemi. Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia tkellem mal-ġurnal u qal li kien qed imur personalment f'pajjiżì bħall-Kambodja u l-Vjetnam dwar dawn l-istess adozzjonijiet. Tkellem ukoll dwar kif qed isiru xi diskuzzjonijiet u arranġamenti sabiex ikunu jistgħu jibdew jiġu adottati tfal miċ-Ċina wkoll, għalkemm dan għadu fi stadju preliminari.
Il-Kambodja huwa pajjiż fix-xlokk tal-Ażja u jmiss mal-fruntiera tal-Malażja u l-Vjetnam. Huwa pajjiż fejn eluf kbar ta' nies jgħixu f'faqar assolut speċjalment fl-irħula rurali l-aktar minħabba li fis-snin 70, dan il-pajjiż għadda minn trawma politika b'miljuni maqtulin u ttorturati mir-reġim komunista ta' Pol Pot. Fil-fatt kien biss fit-tmeninijiet, wara li nqatlu miljuni ta' professjonisti, għalliema u tobba u wara li s-sistema tal-pajjiż kienet iffriżata, il-pajjiż beda bil-mod il-mod iqum fuq tiegħu. Minkejja dan, eluf ta' tfal f'dan il-pajjiż għadhom neqsin mill-aktar afafrijiet bażiċi.