Dak li jiffriskak jista’ joqtlok
Iftħu t-twieqi qabel tqabbdu l-arja kundizzjonata fil-karozza
minn John Busuttil
F’dawn l-aħħar snin, ir-rata tal-kanċer żdiedet immens. Ħabib, kuġina, missieri, ħija, ibni, marti eċċ mardu bil-marda tal-kanċer. Imma kemm qed tikber din il-marda? Kif splodiet f’daqqa?
Mistoqsijiet li diffiċli tweġibhom, iżda li ħafna minnhom iwassluk biex tipponta subgħajk lejk stess. Għax ħafna drabi huma jien u int li nwasslu dan il-mard fuqna u fuq ta’ madwarna. Għax m’aħniex nieħdu ħsieb dak li qed nieklu, dak li ħaddieħor ibexx bih biex il-prodott tiegħu jibqa’ ħaj fost l-oħrajn.
Iżda dan l-aħħar tfaċċat aħbar li daret mal-internet kollu fejn qed jintqal li sar studju dwar kumdità assoluta f’dinja li dejjem qed tisħon, li qed iwassal għall-kanċer, speċjalment il-lewkimja: l-arja kundizzjonata tal-karozza. Mhux l-apparat jew l-arja kundizzjonata nnifisha hi l-problema iżda meta titħaddem ħażin. Nistħajjel tgħidu, mela issa kollox iwassal għall-kanċer? Mhux kollox, imma hemm studji li jekk tieħu ħsiebhom, tista’ tbiegħed dan il-periklu minn fuqek.
Ħafna min-nies, l-ewwel ħaġa li jagħmlu malli jqumu filgħodu jidħlu fil-karozza u l-aħħar ħaġa qabel jidħlu d-dar, joħorġu mill-karozza, u dan jagħmluh sebat ijiem fil-ġimgħa.
Malli jidħlu fil-karozza, eżatt mal-‘ignition’, ħafna jixgħelu l-air condition. Dan hu żball kbir. Kif tidħol fil-karozza, l-ewwel għandek tiftaħ it-twieqi, u imbagħad tixgħel l-arja kundizzjonata ftit minuti wara.
Ir-raġuni hi din, skont riċerka xjentifika, id-dashboard tal-karozza, is-seats u l-air freshner jitfgħu l-benzene: velenu (toxin) li jikkawża l-kanċer. Barra l-kanċer, il-benzene jivvalenalek l-għadam, jikkawża l-anemija u jnaqqas iċ-ċelloli l-bojod. Ħafna benzene għal ħafna tul ta’ żmien jikkawża l-lewkimija u jkabbar ir-riskju tal-kanċer. Jista’ anke jikkawża korriment għal min ikun b’xi tqala.
Il-livell ta’ benzene aċċettabli għal bniedem, ġewwa hu ta’ 50mg kull pied kwadru. Karozza pparkjata f’garaxx bit-twieqi magħluqa jkollha bejn 400-800 mg ta’ Benzene. Jekk tkun ipparkjata barra fix-xemx, bit-temperatura ’l fuq minn 15-il grad, il-livell tal-benzene jitla’ bejn l-2,000 u 4,000 mg li hu 40 darba ’l fuq mil-livell aċċettabbli. Mela dawk kollha fostna li nidħlu fil-karozza u nħallu t-twieqi magħluqa, inevitabbilment se niġbdu fina, b’mod ferm qawwi ammont eċċessiv ta’ velenu. Il-benzene hu tossina li taffetwa l-kliewi u l-fwied. Fejn l-akbar diffikultà hi li l-ġisem mhux faċli li jarmi dan il-velenu li nkunu blajna.
Mela ħudu ħsieb li qabel tqabbdu l-arja kundizzjonata fil-karozza, iftħu t-twieqi, ħallu l-arja tiċċirkola u l-benzene joħroġ imbagħad ixegħlu l-arja kundizzjonata.
Importanti li ma tħallux dan l-artiklu jbeżżagħkom li tużaw l-arja kundizzjonata, għax l-arja kundizzjonata tal-karozza minnha nnifisha ma tipproduċix Benzene. Huma d-dashboards u s-seats, u dawn l-irwejjaħ u l-benzene li jitfgħu huma, li rridu ntajru mill-karozza qabel tinxtegħel l-arja kundizzjonata.
Ħafna jistaqsu imma dawn ir-riċerki huma vera? Ta’ min jagħti kashom? Is-Soċjetà tal-Kanċer Amerikana (ACS) jissuġerixxu li hemm ċerta assoċjazzjoni bejn ‘exposure’ għal benzene u l-lewkimija.
Numru konsiderevoli ta’ studju uman jipprovdi għaqda bejn il-benzene u l-kanċer. Iniżjalment kien hemm rapporti li l-akbar riskji ta’ lewkimija kienu fost ħaddiema li jaħdmu f’livelli għolja ta’ Benzene. Dawk li jaħdmu fil-kimika, produzzjoni taż-żraben u industriji li jirrafinaw iż-żejt. Iżda riċentement saru studji fuq dawk li għandhom exposure inqas fil-livelli ta’ benzene.
L-informazzjoni nħarġet minn studji fuq annimali fejn hemm evidenza sostanzjali li l-lewkimija tattakka lil dawk li jibilgħu il-benzene permezz tan-nifs. Anke f’dawn l-istudji juru biċ-ċar li l-benzene tikkawża l-lewkimija. Il-benzene u l-Kanċer huma relatati flimkien.
hemm studji oħra li qed jgħidu li għalkemm hu minnu li l-benzene twassal għal kanċer mhux vera li l-karrozzi jitfgħu daqshekk livell għoli ta' Benzene.
Anke jekk il-livell ta’ benzene mhux daqs kemm qed jingħad fl-ewwel studju, il-fatt li kif tidħol f’karozza magħluqa taħt ix-xemx, tkun qisek dħalt f’serra bit-temperatura tkun ferm u ferm aktar għolja minn dik ta’ barra u l-fatt li tiftaħ it-twieqi, jgħin biex is-sħana tremenda toħroġ qabel ikun jista’ jaħdem tajjeb l-air condition.
Mela li tiftaħ it-twieqi qabel tixgħel l-arja kundizzjonata dejjem hu ta’ ġid. Barra minn hekk, għaliex għandek tissogra meta tant hu faċli li tneħħi d-dubji kollha? Darba kont tgħallimt li ‘when in doubt leave out’, fejn għandek id-dubju ħalli barra tissugrax.