1,800 tifel Malti b’esperjenza ta’ servizz fil-Vatikan

Mill-1965 sa din is-sena, jiġifieri f’dawn l-aħħar 50 sena, xejn inqas minn 1,800 tifel li jservu ta’ abbatini kellhom l-esperjenza li jkunu parti mis- servizz liturġiku fil-Vatikan. Kull sena, għal 50 sena, ilhom jitilgħu żewġ gruppi ta’ abbatini li jorqdu, jqumu, jieklu u jgħixu fil-belt mill-isbaħ tal-Vatikan. Iżda mhux biss. Kull filgħodu, qabel ma tkun għadha telgħet ix-xemx, dawn is-subien ibakkru kmieni u jibdew jippreparaw biex jgħinu fin-numru ta’ quddisiet li jkunu konċelebrati fuq diversi altari fil-Bażilika ta’ San Pietru, iċ-ċentru dinji tal-Knisja Kattolika.

Dawn l-1,800 tifel Malti kienu l-uniċi abbatini, flimkien ma’ sħabhom it-Taljani, li bħala grupp kellhom il-privileġġ li jgħinu fis-servizz liturġiku fil-Vatikan. 

L-ILLUM ħa l-kummenti ta’ Dun Frans Bonnici, li ilu għal dawn l-aħħar 20 sena jtella’ gruppi ta’ abbatini l-Vatikan. Ma’ din il-gazzetta huwa spjega kif dawn l-1,800 tifel, ħafna minnhom irġiel illum, jgħaddu minn esperjenza edukattiva, kemm mill-aspett uman kif ukoll minn dak Kristjan. Bonnici spjega kif “nitilgħu bħala grupp u jeħtieġ li ngħixu bħala grupp. Għalhekk dawn l-abbatini, ħafna minnhom fil-bidu ta’ żgħożithom, ikunu jeħtieġu jitgħallmu kif jaħfru, kif jaqsmu bejniethom u kif jagħmlu paċi bejniethom. Li ngħixu flimkien u li naċċettaw lil xulxin hija parti minn din l-esperjenza u hija parti mit-tagħlim Nisrani”, sostna Bonnici.

Huwa qal ukoll li apparti minn hekk iżda, din l-esperjenza tat formazzjoni Kattolika lil dawn il-persuni. Fil-fatt huwa jispjega kif “qabel ma nitilgħu, ikun hemm taħriġ u tagħlim dwar il-katekiżmu liturġiku, dwar it-tifsira taċ-ċelebrazzjoni ewkaristika kif ukoll dwar l-oġġetti wżati waqt il-quddies”. Dun Frans Bonnici jgħid ukoll li qabel jitla’, il-grupp ikollu joqgħod għal eżami li jinkludi wkoll mistoqsijiet u eżerċizzji dwar il-quddiesa bl-Ingliż, bit-Taljan u sa ftit żmien ilu, bil-Latin ukoll.

Għalkemm parti miż-żjara tkun li dawn il-gruppi ta’ abbatini jiltaqgħu mal-Papa, Bonnici sostna li din hija biss parti mill-mawra u mhux l-għan prinċipali tagħha. 

Huwa temm jgħid li dawn l-esperjenzi fil-Vatikan għenu mhux ftit biex jikbru l-vokazzjonijiet fil-fatt, ikompli Bonnici, 77 minn dawn daħlu s-Seminarju u bdew it-triq biex isiru qassisin jew patrijiet. 

Intant ilbieraħ filgħaxija l-Arċisqof Charles J  Scicluna ppresieda quddiesa solenni fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann li mmarkat l-50 sena minn meta tela’ l-ewwel grupp ta’ abbatini Maltin lejn il-Vatikan.  

More in Socjali