Il-Gvern irid Sant’Anġlu lura…il-konsorzju jrid kull lira li ħallas lura

....se jkollu jħallas lill-Cottonera Waterfront Group il-miljuni biex ireġġa lura ftehim tal-1999

 

Il-Konsorzju Cottonera Waterfront Group jinsab f’diskussjonijiet mal-Gvern dwar partijiet mill-Forti Sant’Anġlu li ngħataw lilu f’Ġunju tal-1999 minn Gvern Nazzjonalista, bil-ġurnal l-ILLUM infurmat li l-konsorzju qed jitlob somma konsiderevoli li tlaħħaq il-miljuni biex jagħti lura lill-Gvern dawn il-partijiet, li uħud minnhom jinstabu fin-naħa t’isfel tal-Forti, b’veduti spettakolari tal-Port u tal-Kalkara.

 Meta ikkuntattjat minn dan il-ġurnal il-Kap Eżekuttiv tal-Konsorzju Tonio Hili ma nnegax, imma lanqas ikkonferma, illi l-Cottonera Waterfront Group qed jitlob mingħand il-Gvern ċifra li hija ‘l fuq minn €5 miljuni. Hili  iżda, meta mistoqsi minn l-ILLUM jekk l-investiment li qed jgħid li għamel il-konsorzju fl-istess proprjeta’ ilaħħaqx il-miljuni wieġeb “dażgur” u kompla jgħid illi “tal-inqas irridu lura kull lira li ħriġna s’issa, għax aħna konna diġa bdejna x-xogħlijiet tagħna. Mhux se nitolbu lill-Gvern żewġ ewro għal kull ewro li ħriġna, imma l-flus li nvestejna rriduhom lura.”

Bidliet minn Gvern Nazzjonalista waqqfu l-pjani tal-konsorzju

Oriġinarjament, meta l-konsorzju Cottonera Waterfront Group ingħata din il-parti tal-Forti fl-1999, kellu pjanijiet biex il-bini li qiegħed mal-livell tal-baħar jinbidel f’lukanda żgħira b’ċentru ta’ Spa. Iżda minkejja li kien beda xi xogħol fl-ewwel snin, jidher li dan ilu wieqaf għal dawn l-aħħar snin, bil-proprjeta’ tibqa’ abbandunata, kif seta’ jixhed dan il-ġurnal meta żar il-forti din il-ġimgħa stess.

Mitlub jikkumenta dwar dan  Hili qal li “x-xewqa tagħna kienet li niżviluppawh aħna iżda fl-2010 waqqfulna x-xogħlijiet li konna qed nagħmlu. Għall-ewwel il-MEPA għamlet xi sanzjonijiet fuq affarijiet żgħar li aħna rranġajna imbagħad jidher li l-politika tal-gvern inbidlet fuq dan is-sit u bdejna diskussjonijiet biex ngħadduh lura lil gvern.”

Hili sostna li qabel ma bidel il-politika tiegħu l-Gvern preċedenti dwar is-sit, il-MEPA kienet diġa approvat, kemm l-outline permit u anke d-development plan. “Issa wara li tlesta r-restawr u l-forti ġie ġawhra, kif jixraqlu, dan il-gvern qed juri l-interess li jridu lura. Aħna qed niddiskutu mal-gvern u issa naraw x’se jiġri skont l-eżitu tad-diskussjonijiet.”

L-istorja kollha bdiet meta fl-1999, l-amministrazzjoni Nazzjonalista mmexxija minn Eddie Fenech Adami kien ta’ lill-konsorzju kważi terz tal-Forti Sant’Anġlu, inkluż żewġ swali kbar fl-entrata tal-forti, li kienet mibnija mill-Ingliżi u parti li tinsab fuq il-livell tal-baħar faċċata tal-Kalkara. Snin wara iżda Gvern Nazzjonalista biddel il-politika tiegħu għall-forti, bil-konsegwenza li l-proġetti tal-Cottonera Waterfront Group kellhom jieqfu.

Il-Cottonera Waterfront Group huwa  immexxi minn imprendituri kbar fosthom Żaren Vassallo ta’ Vassallo Builders u George Barbaro Sant tal-Alberta u hu kompost minn diversi kumpaniji fosthom Ħal-Mann, Blokrete u Ballut Blocks.

Apparti mill-kummenti ma’ Hili dan il-ġurnal mar fil-post u mir-ritratti li qed nippublikaw jidher ċar illi l-bini li jinsab f’idejn il-konsorzju, u li kellu jsir lukanda, qiegħed f’telqa kbira. L-ILLUM għamel kuntatt ukoll ma’ Żaren Vassallo, li minn naħa tiegħu idderiġina lejn il-Perit Joe Cassar, mniżżel bħala Ċermen fuq is-sit tal-Konsorzju, li minn naħa tiegħu qal lill-ILLUM biex inċemplu lil Hili. 

More in Socjali