‘Morru orqdu u rranġaw fis-sodda’

Pulizija lil mara wara li ssawtet minn żewġha

 

 

Rapport xokkanti jikxef sistema li tħalli lill-vittma miftuħa għall-abbuż

Wara li sfat vittma ta’ swat u vjolenza f’darha stess, mara miżżewġa sabet il-kuraġġ li ċċempel lill-Pulizija u tagħmel rapport fl-għassa tal-lokal. Għalkemm il-Pulizija kien fuq il-post, sfortunatament, dan kien ħabib ta’ żewġha, l-aggressur, u ddeċieda li ma jiħux rapport dwar dak li kien ġara. Aktar minn hekk iżda, l-istess pulizija qal lill-vittma “u ejja, issa morru orqdu u rranġaw dawn l-affarijiet fis-sodda.”

Dan il-każ huwa wieħed biss minn diversi oħrajn mill-aktar xokkanti u tal-mistħija li rapport tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali jitfa’ dawl fuqhom. Ir-rapport imsejjaħ ‘Il-Vjolenza Domestika – Vittmi u Servizzi’ jitfa’ dawl fuq sistema sħiħa, mill-għassa tal-pulizija, saċ-ċentru tas-saħħa u saħansitra sal-Qorti tal-Ġustizzja, li mhux talli għadha ma twiżinx lill-vittma, talli f’xi każijiet saħansitra taġevola lill-agressur.

L-istess rapport jikxef każijiet fejn minkejja t-tibdiliet li saru fil-liġi dwar il-vjolenza domestika, għad hemm Pulizija li jibagħtu lill-vittmi għand l-avukat, qabel jew minflok, ma jsir rapport formali. Ir-rapport, li jitfa’ dawl xejn favorevoli fuq il-Korp tal-Pulizija, s-servizzi tas-Saħħa u s-sistema legali ta’ pajjiżna, jikkritika bl-aħrax il-fatt li r-riferti hemm tendenza li joħorġu wara erba’ jew ħames xhur, b’inqas żmien li fih l-agressur ikun notifikat u allura bil-possibilità li s-smiegħ tal-każ fil-Qorti jittawwal, f’liema żmien ‘l-agressur se jħoss li l-id tal-liġi mhux se tilħqu, filwaqt li l-vittma tkompli tbati atti ta’ vjolenza domestika.’

Rapport dettaljat  fil-ħarġa tal-ILLUM

 

 

More in Socjali