Min se jkun is-sieħeb strateġiku tal-Air Malta?

Espert fil-qasam jispjega għalfejn it-Turkish Airlines, l-Etihad u kwalunkwe linja kbira Ċiniża huma fost l-aktar favoriti

 

Lura f’Mejju ta’ din is-sena il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ikkonferma mal-ġurnal The Times illi l-Gvern qed ifittex mod ta’ kif jista jopera l-linja nazzjonali tal-ajru flimkien ma’ sieħeb strateġiku. L-istess ġurnal kien irraporta illi kienu qed isiru diversi laqgħat mal-linja tal-ajru Turkish Airlines għal sħubija strateġika, li tista tinkludi wkoll privatizzazzjoni. Dwar dawn id-diskussjonijiet ftit li xejn reġa nstema minn naħa tal-Gvern f’dawn l-aħħar ħames xhur.

Intant dan il-ġurnal stess, nhar is-16 ta’ Awwissu, kien ippublika l-kummenti tal-President tal-Unjin tal-Cabin Crew Noel Mercieca illi kkwota lill-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis jgħid kif sa Mejju ma kien għad hemm ebda interess minn sieħeb strateġiku fl-Air Malta. Aktar minn hekk, meta mistoqsi minn l-ILLUM dwar diskussjonijiet mat-Turkish Airlines, Mercieca kien qal li l-Ministru Zammit Lewis “dejjem innega” li fil-fatt kienu qed isiru d-diskussjonijiet.

Fid-dawl tal-fatt li l-ebda informazzjoni mhi qed tiġi mogħtija, L-ILLUM, flimkien ma’ sors b’esperjenza twila fl-industrija tal-linji tal-ajru, ħares lejn numru ta’ kumpaniji u liema minnhom, probabilment, ikunu l-iktar interessati li jkollhom “subgħa” fil-linja nazzjonali ta’ Malta. Ħarisna wkoll lejn ir-raġunijiet varji għalfejn dawn il-kumpaniji jistgħu jkollhom interess partikolari u għalfejn, fl-aħħar mill-aħħar, jistgħu jaraw il-preżenza tagħhom bħala shareholder tal-Air Malta bħala fattur li jtejbilhom il-profitti.

Jidher, skont is-sors li tkellem magħna u li ħadem qrib linji tal-ajru bħall-Air New Zealand, British Airways u anke l-Airmalta, illi l-aktar tliet kumpaniji b’potenzjal ta’ interess fil-linja nazzjonali Maltija huma t-Turkish Airlines (TK), Etihad (EY) kif ukoll l-Air China (CA), jew linja tal-ajru oħra ewlenija fiċ-Ċina.

It-TK jibqa’ l-iktar sieħeb probabli

“Jekk qed niffukaw fuq sieħeb strateġiku, iktar milli ‘takeover’, jew il-bejgħ tal-maġġoranza tal-ishma tal-Airmalta, mela allura hemm ħafna linji tal-ajru li fil-probabilita’ kbira se jkunu qed iżommu għajnejhom u widnejhom miftuħin għal dak li qed jiġri fl-Airmalta,” sostna s-sors li tkellem mal-ILLUM. Dan iżda mill-ewwel żied jgħid illi “l-aktar linja tal-ajru li probabilment għandha interess tħares lejn l-Air Malta hija t-Turkish Airlines.”

“Imma għalfejn?” jistaqsi dan il-ġurnal. “L-ewwel u qabel kollox wieħed irid jiftakar illi t-TK bniet karriera twila u ta’ suċċess kbir fil-qasam tal-avjazzjoni. Apparti l-fatt li huwa pjuttost riċenti illi żiedet lil pajjiżna fin-netwerk estensiva tagħha. Linji tal-ajru bħat-Turkish Airlines, ma jibdewx joperaw rottot ġodda bl-addoċċ.”

Imma dan kull linja tal-ajru tagħmlu la qed tieħu deċiżjoni kummerċjali. Allura x’hemm speċjali, jew x’hemm indikattiv f’li t-Turkish Airlines għamlet studji serji u ddeċidiet li topera rottot minn pajjiżna? Is-sors li tkellem magħna jfakkar kif ftit żmien biss wara li bdiet topera minn Malta it-TK żiedet l-operazzjonijiet tagħha lejn u minn Istanbul fl-istess ħin illi bdew kampanja promozzjonali, b’mod dirett, madwar Malta u Għawdex u permezz ta’ diversi mezzi fejn kienu riklamati titjiriet, anke lejn l-Amerika t’Isfel u ta’ Fuq. “Dan it-tip ta’ riklamar ftit li xejn qatt sar fis-suq Malti, apparti dik id-destinazzjoni l’hawn u l’hemm mill-Emirates (EK).”

L-ILLUM, xorta mhux konvint, staqsa għal iktar provi li jissustanzjaw l-argument favur il-linja nazzjonali Torka, bħala l-favorita biex tkun sieħba mal-Air Malta. “Il-fatt li Malta hija eżattament fiċ-ċentru tal-Mediterran tkun xi ħaġa pjuttost konvenjenti għal mudell ‘Airmalta-operata mit-Turkish Airlines’ għaliex ittejjeb l-konnetitvita’ lejn l-Afrika ta’ fuq u dik ċentrali, waqt li fl-istess ħin iżżid man-netwerk estensiva li l-kumpanija diġa għandha.”

Dwar dan ifakkar kif bħalissa t-Turkish Airlines hija “l-unika linja tal-ajru illi tista tiftaħar bl-akbar netwerk madwar id-dinja, quddiem il-kompetituri l-oħrajn fis-suq.” Fil-fatt huwa jispjega kif bħalissa din il-linja tal-arju qiegħda saħansitra quddiem l-Emirates, Etihad, il-Qatar Airways u anke Singapore Airlines, lkoll linji tal-ajru kbar bi programm estensiv ħafna ta’ rottot. “Tant kibret it-TK bħalissa illi tinsab f’pożizzjoni fejn tista tgħin jew saħansitra ssalva kumpaniji tal-ajru ta’ daqs żgħir u medju, li mhux għaddejjin tajjeb ħafna, “bħall-Airmalta.”

Il-Codeshare mal-Etihad tqajjem ħafna interess

Qbil ta’ ‘codesharing’ isir ħafna bejn linji tal-ajru u prattikament huwa qbil bejn żewġ linji tal-ajru li joperaw numru ta’ rotot taħt isem xulxin. Is-sors li tkellem magħna fakkar illi hemm ħafna ftehim simili bejn l-Airmalta u linji tal-ajru oħrajn, “iżda l-aktar waħda li tqajjem interess huwa l-codesharing li għandha l-Airmalta mal-Etihad (EY). L-ispekulazzjoni hija ġustifikata għaliex l-EY  ma toperax lejn Malta u l-Airmalta ma toperax lejn Abu Dhabi. “Mela għalfejn hemm qbil ta’ codesharing għal titjiriet tal-Airmalta li lanqas biss jgħaqqdu liż-żewġ pajjiżi direttament?”

Jkompli jfakkar illi l-Etihad kienet qalet illi l-għan tal-qbil kien biex jesponi aktar is-suq Malti għal dawk l-Awstraljani ġejjin lejn il-kontinent Ewropew. Imma s-sors li tkellem magħna iddeskriva din ir-raġuni bħala waħda “bla sens”. “Kieku l-AirMalta riedet tibda qbil codeshare biex tingħaqad ma’ titjiriet għall-Awstralja, kellha numru kbir ħafna ta’ kumpaniji li kienu jkunu lesti li jagħmluha u li joperaw minn u lejn l-Ewropa ta’ kuljum.”

Mhux iċ-Ċina...imma min fiċ-Ċina huwa interessat

Meta l-ILLUM staqsa jekk jistax ikun illi tkun linja tal-ajru Ċiniża li tieħu l-pass li ssir sieħeb strateġiku tal-Airmalta s-sors li tkellimna miegħu qal illi aktar milli jekk iċ-Ċina, bħala pajjiż, hux interessat jew le fl-Airmalta, l-mistoqsija għandha tkun: Liema linja tal-ajru fiċ-Ċina hija fl-aħjar pożizzjoni illi tissieħeb  mal-linja Maltija?

“Mingħajr dubju ta’ xejn,” kompla jispjega “hemm il-linja nazzjonali taċ-Ċina, l-Air China, li probabilment turi interess qawwi. Imma dan definittivament ma jeskludix linji oħrajn kbar fiċ-Ċina, bħal m’huma China Easter Airlines, China Southern Airlines u ċ-China Airlines, li joperaw minn u lejn it-Tajwan.

“Iktar minn hekk wieħed jeħtieġ jiftakar li hub f’Malta ikun ta’ benefiċċju għaċ-Ċiniżi, fid-dawl tal-investiment li qed isir minnhom  fl-Ewropa u f’diversi partijiet tal-Afrika. Apparti dan, riċentament, iċ-Ċina żvelat pjanijiet għall-industrija tal-bini tal-ajruplani, li tista tfisser diżastru għall-Airbus u l-Boeing. Inizjattiva oħra biex ipoġġu saqajhom fil-bieb hija billi jixtru jew jinvestu f’linja tal-ajru żgħira u li qed tbati imma li tinsab f’lokazzjoni perfetta, bejn l-Ewropa u l-Afrika. U liema hi dik il-kumpanija? L-Airmalta.”

Jidher għalhekk illi hemm bosta fatturi li se jilgħabu parti fid-deċiżjoni finali ta liema kumpanija tkun attirata biżżejjed lejn l-Airmalta illi tinvesti fiha. Iżda l-aktar fattur illi jidher li se jkun qed jilgħab parti importanti huwa dak ġeografiku. Forsi mhux b’sorpriża illi dak li qed jipprova jagħmel il-Gvern preżenti fil-marittimu, sforz il-lokazzjoni ċentrali  jinfirex lejn l-avjazzjoni u permezz ta’ investiment barrani l-Airmalta tkun salvata fl-istess ħin li tinħoloq niċċa ekonomika li tista tħalli fil-pajjiż miljuni kbar ta’ ewri. 

More in Socjali