Kuntistabbli ta’ 48 sena qaleb għall-aħjar u m’għadux fil-periklu tal-mewt wara li lbieraħ kien involut f’inċident tat-traffiku bejn tliet vetturi f’ San Ġwann.
Fl-aħħar sigħat, il-Kuntistabbli Toni Galea qaleb għall-aħjar u nħareġ mit-Taqsima tal-Kura Intensiva, iżda għadu qed isofri minn xi ġrieħi u għalhekk qed jinżamm l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
L-inċident ikrah seħħ il-bieraħ għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħodu fiż-żona industrijali ta’ San Ġwann. L-inċident seħħ wara li ħabtu tliet vetturi: Renault Captur misjuqa minn mara ta’ 32 sena residenti Birkirkara li kienet sejra fid-direzzjoni lejn San Ġwann, vettura ta’ tip Toyota Hi-Ace misjuqa minn raġel ta’ 69 sena residenti Ħal-Qormi li kienet ħierġa minn side street u kif ukoll mutur tat-traffiku tal-Pulizija misjuqa minn kuntistabbli ta’ 48 sena li kien sejjer fid-direzzjoni lejn Birkirkara.
Kawża tal-inċident, il-pulizija kien qiegħed f’qagħda kritika, filwaqt li raġel ieħor ukoll daħal l-Isptar wara li indarab fl-inċident.
Fuq Facebook, kienu bosta dawk il-ħbieb li xtaqu fejqan ta' malajr lil Galea.