
Trab kont imma mhux bilfors trab terġa’ ssir
Il-feature fil-ġurnal l-ILLUM li jitratta l-mewt f'dan ix-xahar li matulu niftakru lill-mejtin tagħna
minn Veronica Lynn Mizzi

Fil-funerali li jkollna, dejjem imdorrijin naraw l-istess affarijiet. Il-qraba u l-ħbieb jaslu l-knisja, lebsin l-iswed, jieħdu posthom fuq il-bankijiet, jgħidu t-talb waqt il-quddies u forsi jxerrdu xi demgħa jew tnejn b’rispett lejn il-mejjet. Imbagħad, wara purċissjoni bil-fjuri wara t-tebut, il-qraba jinġabru f’serbut ta’ karozzi suwed u jwasslu ’l-mejjet għall-aħħar vjaġġ tiegħu lejn iċ-ċimiterju, biex issirlu d-difna. Jiġifieri bejn wieħed u ieħor, naraw l-istess proċedura kull darba li nattendu għal funeral. Dan huwa l-istess għaliex fil-maġġoranza tagħna, nattendu għal funerali fi knejjes Kattoliċi, b’riti li għandhom fuqhom is-snin.
Kulturi differenti għandhom diversi tradizzjonijiet dwar x’jiġri lill-persuna meta tkun ħallietna u wħud minn dawn it-tradizzjonijiet għandhom l-għeruq tagħhom fi żminijiet passati.
Fl-Indonesja, il-funerali huma ċelebrazzjoni li tinvolv l-villaġġ sħiħ, fejn ġieli jdum għaddej anke ġimgħat. Il-familji hemmhekk idumu jaħdmu ħafna biex ikunu jistgħu jorganizzaw funeral kbir, u fih sa anke jiġi sagrifikat buflu għall-okkażjoni għaliex jemmnu li dan se jkun jista’ jwassal lil ruħ il-mejjet lejn il-ħajja wara l-mewt. Fil-fatt, sakemm il-mejjet ikun jista’ jingħaqad fil-ħajja ta’ wara l-mewt, jirreferu għalih bħala ‘l-marid’ jew ‘ir-rieqed’. F’dak iż–żmien, il-mejjet jibqa’ jiġi mitmugħ u mnaddaf.
Fil-Filippini, xi gruppi etniċi jagħttu għajnejn il-mejtin tagħhom u jħalluhom fejn l-entratura tad-dar, oħrajn jidfnuhom ġo zokk ta’ siġra li ħafna drabi jkun għażel il-mejjet stess qabel imut. Bħal dawn it-tradizzjonijiet, hemm kemm trid, b’uħud minnhom ġejjin minn żminijiet pagani ta’ eluf kbar ta’ snin ilu.
F’dan ix-xahar ta’ Novembru li normalment huwa ddedikat għall-mejtin kollha fil-kultura tagħna, se nagħtu ħarsa lejn x’jemmnu li jiġri lill-bniedem ma’ mewtu diversi reliġjonijiet.
Minkejja li kull reliġjon għandha t-twemmin tagħha għal dak li jiġri lill-bniedem wara mewtu, hemm ħaġa li tgħaqqadhom kollha, u din hi li dak li jiġri lill-persuna meta tmut, huwa riżultat ta’ kif għexet tul ħajjitha.
Ħindu
Skritturi importanti tal-Ħindu jitkellmu sikwit dwar il-ħajja wara l-mewt. Fil-fatt, l-alla Krishna jgħid kif l-istess bħalma bniedem ibiddel il-ħwejjeġ l-antiki tiegħu biex jilbes ħwejjeġ ġodda, hekk ukoll ir-ruħ ‘tarmi’ l-ġisem l-antik tagħha u tilbes wieħed ġdid. Fil-Ħindu, it-tagħlim huwa li l-ġisem huwa sempliċiment il-qoxra ta’ barra waqt li r-ruħ hija indistruttibbli u tieħu diversi ħajjiet f’ċiklu ta’ ħajja u mewt. Imbagħad finalment, meta jasal tmiem iċ-ċiklu li jissejjaħ ‘Mukti’, ir-ruħ tkun tista’ toqgħod għal dejjem ma’ alla.

Fil-Ħindu, jeżisti l-alla tal-mewt, Yama, li jwassal lill-mibgħuta tiegħu sabiex jiġbru l-erwieħ mill-ġisem meta dawn ikunu waslu biex imutu. Dawn jieħdu r-ruħ lil Yama fejn ikollhom rekord ta’ dak kollu li tkun għamlet persuna tul ħajjitha.
Ir-ruħ, meta titlaq il-ġisem tivvjaġġa tul mina lejn in-nofsinhar, u fil-fatt, huwa għalhekk li titqiegħed lampa taż-żejt ħdejn ras il-mejjet, sabiex iddawwal din il-mina u r-ruħ tkun tista’ tivvjaġġa.
Il-Ħindu jemmnu fir-riinkarnazzjoni, fejn ir-ruħ, skont il-‘Karma’ jew dak li jkun għamel f’ħajtu l-bniedem, terġa titwieled. Jekk bniedem ikun għamel ‘Karmas’ ħżiena, dan jitwieled f’forom inferjuri bħal annimali, imma jerġa’ jitwieled f’persuna u f’familja tajba jekk għex ħajja tajba fil-ħajja passata. Wara l-ħajjiet, ruħ tpatti għal dak li tkun għamlet fl-infern ‘naraka’ jew tgawdi fil-ġenna ‘svarga’. Meta jintemm dan iż-żmien, ir-ruħ terġa’ tintbagħat fid-dinja. Finalment, meta ruħ tkun laħqet l-ogħla livelli tar-ruħ, tkun laħqet in-‘Nirvana’. Il-kunċett bażiku tal-‘Karma’ huwa li ‘Dak li tiżra’, taħsad.
Kristjaneżmu
Essenzjalment, ir-reliġjon Kristjana temmen li l-mewt hija l-bidu tal-ħajja li ma tintemmx, fejn il-mejjet jiċċaqlaq minn din id-dinja fiżika, għal ħajja wara l-mewt, b’ruħ il-mejjet tmur jew il-Ġenna, jew l-Infern, jew inkella fil-Purgatorju. It-twemmin huwa li wara l-mewt, ir-ruħ tal-bniedem tiġi ġġudikata skont kif kien għex ħajtu. Jekk tkun għext ħajja tajba, u fl-istess ħin tkun indimt mid-dnubiet li tkun għamilt tul ħajtek, tkun tista’ titla’ l-Ġenna. Jekk tkun għamlet dnubiet li ma nidmitx minnhom, tmur l-infern, li l-Lhud kienu jirreferu għalih bħala ‘Gehenna’, wara l-post fejn fih kienu jemmnu li huwa misħut minħabba li kienu jiġu ssagrifikati xi tfal. Min-naħa l-oħra, jekk ikun miet bi dnubiet venjali, il-Knisja Kattolika temmen li r-ruħ tmur il-Purgatorju sabiex tiġi purifikata qabel ma tkun tista’ tmur il-Ġenna. Fl-istess twemmin, huwa mifhum li n-nies se jiġu ġġudikati f’jum il-ġudizzju fil-futur meta Ġesù jerġa’ jirritorna fid-dinja.

Iżlam
Fil-Quran, l-Iżlam jagħti deskrizzjoni dettaljata ta’ kif inhi l-ħajja wara l-mewt, bil-ġenna tkun ‘Jannah’ u l-infern ‘Jahannam’. Fil-fatt, hemm it-twemmin li sabiex persuna tkun kuntenta wara mewtha, irid ikollha livell għoli ta’ ‘Iman’ jew fidi, li jiżdied grazzi għall-affarijiet tajba li wieħed jagħmel tul ħajtu. It-tagħlim tal-Iżlam idur mat-tifħir u qima lil Alla, li tkun ħanin man-nies u l-annimali ta’ madwarek, fost l-oħrajn. Il-ħajja f’din id-dinja, skont l-Iżlam, hija test għall-bniedem sabiex f’mewtu jiġi deċiż għandux jieħu kastig jew tgawdija għal dejjem.

Il-‘Jannah’ għandha seba’ livelli u seba’ gradi, fejn iktar ma tkun ’il fuq, iktar tkun kuntent. Min-naħa l-oħra, il-livelli tal- ‘Jahannam’ huma wkoll seba’ fejn iktar ma jkun ’l isfrel, iktar ikun ħażin. L-Iżlam jemmen li r-ruħ tibqa’ tgħix wara l-mewt. Għandu wkoll ikun hemm il-ġurnata tal-ġudizzju li fiha, n-nies kollha jinqasmu, skont fejn għandhom imorru, jew hux fil-ġenna jew l-infern. Finalment, f’dan il-jum, in-nies jiġu ġġudikati minn Allah skont dak li jkunu għamlu f’ħajjithom u l-bilanċ tat-tajjeb u l-ħażin li jkunu għamlu. Hemm, jew jingħataw il-ġenna fejn jgħixu fi tgawdija għal dejjem, jew inkella jintbagħtu l-infern u jkunu kkundannati għal turment għall-eternità.
Buddiżmu
Fil-Buddiżmu, hemm ukoll ukoll il-kunċett ta’ karma u riinkarnazzjoni. Il-mod ta’ kif tgħix tul il-ħajja jiddermina fiex se titwieled fil-ħajja ta’ wara. Jekk persuna tkun għexet ħajja tajba u kienet karitattiva, din għandha titwieled f’livell kuntent, bħal dak ta’ bniedem. Min-naħa l-oħra, jekk tul il-ħajja, il-persuna tkun għamlet affarijiet ħżiena, titwieled f’livell iktar baxx, bħal xi annimal. Skont il-Buddiżmu, hemm 31 livelli ta’ eżistenza li wieħed jista’ jitwieled fihom.

Fiż-żmien ta’ bejn il-mewt u t-twelid mill-ġdid, il-mejjet jara dawl li għandu jimxi fuqu sabiex ikun jista’ joħroġ minn dan iċ-ċiklu ta’ riinkarnazzjoni. Minkejja dan, ikun hemm diversi raġunijiet għalfejn ruħ ma timxix ma’ dan id-dawl, ħafna drabi tkun biża’ jew nuqqas ta’ għarfien. Il-mejjet ikollu wkoll għajnuna li tingħata minn diversi Buddha li jidderiġuhom lejn id-dawl.

