Tiffranka 25 minuta tivjaġġa
Mistennija aktar minn 1.5 miljun passiġġier fi tliet snin
minn Albert Gauci Cunningham
Bil-proposti tal-AX Holdings, li hi l-kumpanija magħżula biex twettaq il-proġett ta’ trasport bil-baħar fil-Port il-Kbir, vjaġġ li bit-trasport pubbliku bħalissa jieħu 45 minuta, se jibda jeħodlok 25 minuta. L-ILLUM qabblet il-ħin li passiġġier jieħu biex mill-Isla jmur il-Belt u minn hemmhekk għal Tas-Sliema, bis-sistema preżenti ta’ trasport pubbliku fuq l-art u bil-proġett propost.
Skont il-‘Journey Planner’ fuq is-sit tal-Malta Public Transport vjaġġ bejn l-Isla u l-Belt Valletta jieħu ftit aktar minn 30 minuta, bix-xarabank numru 1. Vjaġġ mill-Belt Valletta sa tas-Sliema, bix-xarabank numru 12, jieħu 15-il minuta oħra. Dan ma jinkludix il-ħin ta’ stennija kemm fl-Isla kif ukoll fil-Belt Valletta u lanqas il-fattur ta’ sitwazzjoni ħażina ta’ traffiku.
Skont il-proposti mressqin lill-Gvern mill-AX Holdings, il-vjaġġ bil-baħar bi tliet dgħajjes speċjalizzati b’investiment ta’ Marsamxetto Steamferry Services, jieħu sa massimu ta’ 25 minuta. Il-vjaġġ mill-Isla għall-Belt jieħu sa 10 minuti u mill-Belt għal Tas-Sliema jieħu sa kwarta.
Il-proposti ta’ Anġlu Xuereb, chairman ta’ AX Holdings, kienu żvelati aktar kmieni din il-ġimgħa. Li huwa interessanti huwa kif dan l-istess proġett jinkorpora fih ukoll mina li tgħaddi taħt il-Belt Valletta. Din il-mina se jkollha dħul fil-Port ta’ Marsamxett u dħul ieħor fin-naħa Ta’ Liesse, lejn in-naħa tan-nofisnhar tal-Belt Valletta. Dan ifisser li l-vjaġġ se jkollu tliet waqfiet minn fejn il-passiġġieri jkunu jistgħu jieqfu, jiġifieri l-Isla, Lascaris (ħdejn ta’ Liesse) fil-Belt, u finalment f’Tas-Sliema.
Dan il-proġett, skont l-istess proposti, għandu jwassal biex sa tliet snin minn meta tibda topera din is-sistema, ikun hemm użu li jaqbeż il-1.5 miljun passiġġier kull sena. Dan ifisser li dawn il-passiġġieri se jkunu qed ibiddlu l-vjaġġ tagħhom fuq l-art għal ieħor taħt il-baħar. Il-proġett huwa mistenni li jkun lest sas-sajf tas-sena 2017.
Diġà saru l-verifiki mas-supretendent tal-wirt kulturali
Skont il-proposti ta’ Xuereb, diġà saru l-verifiki kollha neċessarji mas-supretendent tal-wirt kulturali biex ikun aċċertat li matul ir-rotta li s-sistema se tieħu taħt il-Belt kapitali, m’hemmx strutturi storiċi li l-istess supretendenza taf bihom u li se jkunu affetwtati. Il-proposta tgħid kif il-mina se tkun wiesa’ seba’ metri u titla’ ħames metri ’l fuq mil-livell medju tal-baħar u tinżel 2.5 metru taħt il-livell medju tal-baħar. Apparti makkinarju apposta li se jkun qed jiminimizza l-problema ta’ mewġ, is-sistema ta’ ħruġ jew dħul mill-mina se jkun ikkontrollat b’sistema apposta minn kamra tal-kontroll.
L-AX Holdings qabbdu esperti mill-kumpanija AIG, li kienet involuta fil-bini ta’ mina fil-proġett kontra l-għargħar.
Konrad Mizzi: Parti mir-riġenerazzjoni tal-Port
F’kummenti mal-ILLUM il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura Konrad Mizzi kien pjuttost pożittiv dwar dan il-proġett li fakkar kif hu parti mill-pjanijiet tal-Gvern għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir. Filwaqt li fakkar kif se tkun l-AX Holdings li tiffinanzja l-proġett u tassumi r-riskji marbutin mal-proġett, qal li l-Gvern se jkun qed jistabilixxi grupp ta’ ħidma mal-AX Holdings biex jiġu stabbiliti l-passi li jmiss u jibdew il-proċessi ta’ ppjanar.
Mizzi qal li matul is-sena 2016 il-Gvern se jkun qed jaħdem fuq diversi Public Private Partnerships (PPP) f’setturi differenti, speċjalment fejn jirrigwarda l-infrastruttura.
Meta tkellem waqt l-iżvelar tal-proġett, il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura Joe Mizzi qal li b’dan il-proġett il-Gvern qed jonora wegħda elettorali oħra.