Ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Gvern Malti u l-Gvern tal-Emirati Għarab Magħquda sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn Malta u l-Emirati Għarab Magħquda, partikolarment fuq ħames oqsma li jinkludu l-innovazzjoni u mobile applications tal-Gvern.
Dan il-Memorandum of Understanding ġie ffirmat mill-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat u l-Ministru tal-Affarijiet tal-Kabinett tal-Emirati Għarab Magħquda Mohammed Abdullah Al Gergawi, fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim Ministru tal-Emirati Għarab Magħquda Sheikh Mohammed Bin Rashid Al Maktoum.
Dan il-memorandum jiġi wara qbil li ġie milħuq bejn iż-żewġ Prim Ministri lura f'Novembru li għadda.
Il-ħames oqsma li se jkun hemm ħidma konġunta fuqhom jinkludu l-innovazjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-amministrazzjoni pubblika, l-indikaturi tal-Gvern, SMART Government u Accelerator Programme.
Fost din il-ħidma, hemm l-għan li jiġu żviluppati arranġamenti u programmi ta' skambju ma' istituzzjonijiet internazzjonali għat-tagħlim u taħriġ ta' ħaddiema pubbliċi biex ikun hemm titjib fl-amministraazzjoni pubblika.
Hemm ukoll il-ħsieb li permezz ta' 'SMART Government', jinħolqu apps għall-mobile sabiex ikun hemm sistema ta' 'One Stop Shop' għas-servizzi kollha tal-Gvern.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-isfidi tal-lum jeħtieġu tmexxija ta' Gvern b'saħhtu sabiex nutilizzaw it-tekonoloġija u noħolqu soluzzjonijiet innovattivi. It-triq 'il quddiem, qal Muscat, hi li jkun hemm applications tal-mobile li huma aċċessibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.