Wara s-suċċess tal-‘iscrappage scheme’ imnehdija f’Diċembru 2015, Transport Malta qed testendi din l-iskema wara li l-Gvern alloka €400,000 oħra.
Transport Malta se tkun qed tilqa’ iżjed applikazzjonijiet għal din l-iskema li ser jiġu proċessati fuq bażi ta’ ‘first come first serve’. L-għan tal-inizjattiva huwa li jħeġġeġ iżjed nies biex jeħilsu mill-vettura antika tagħhom u jinvestu f’waħda li tniġġes anqas.
508 vettura diġa bbenefikaw mill-iskema oriġinali ta’ €400,000 fl-aħħar tal-2015. Is-sidien tal-vetturi li applikaw għall-iskema kienu intitolati għal bejn €700 u €900 meta xtraw vettura M1 ġdida u fl-istess ħin jiggaraxxjaw vettura fl-istess kategorija. Vettura M1 hija maħsuba u mibnija għall-ġarr ta’ mhux aktar minn tmien passiġġieri minbarra s-sewwieq, b’livelli ta’emissjonijiet CO2 sa 130g/km, tul li ma jaqbiżx l-4460mm u liċenzjata biss għall-użu privat.
L-applikazzjonijiet għal din l-iskema jistgħu jinġabru mill-‘Vehicle Licensing Unit’ ta’ Transport Malta li jinsab Hornsworks Ditch, Floriana jew inkella fuq is-sit http://www.transport.gov.mt/land-transport.
L-iskema biex tinċentiva x-xiri ta’ vetturi u kwadriċikli elettriċi jew hybrid għadha fis-seħħ.