Illum Bormla tqum u tiżżejjen biex tilqa’ lill-Irxoxt
Eluf ta’nies mill-Kottonera, uliedhom u ulied uliedhom illum jiċelebraw parti minn dak li hu Malti
minn Albert Gauci Cunningham
Dalgħodu mijiet, jekk mhux eluf ta’ nies se jkunu qed jerħula lejn il-Kottonera. It-tliet ibliet, Bormla l-Birgu u l-Isla apparti milli huma fost l-aktar bliet storiċi f’pajjiżnam, huma l-benniena tal-festi li jduru ma’ dan iż-żmien tas-sena. Il-Kottonera, apparti milli tgħallimna ħafna dwar l-antenati tagħna, dwar dawk li ġew qabilna u dwar il-wirt mibni, tgħallimna ħafna wkoll dwar il-wirt imprezzabbli reliġjuż ta’ Malta.
L-ILLUM marret fil-belt ta’ Bormla, li llum tilqa’ fit-toroq tagħha lill-istatwa, minnha nnifisha storika tal-Irxoxt. Ma’ dawn, Bormla u t-toroq tagħha illum jilqgħu eluf ta’ nies mhux biss mil-lokal iżda wkoll minn madwar il-pajjiż kollu.
Aħwa, kuġini, zijiet u ġirien jiltaqgħu flimkien jintefgħu fil-gallarija jew quddiem il-bieb, f’wieħed mill-ħafna toroq u sqaqien li jżejnu lil Bormla jistennew il-purċissjoni tal-Għid għaddejja mill-viċinanza f’dak li sar ritwal annwali Bormliż. Din il-gazzetta ltaqgħet ma’ tliet persuni li lkoll huma marbutin b’mod intrinsiku ma’ Bormla: John Galea, Ray Portelli u l-familja Cachia Belli. Galea ilu għall-aħħar 35 sena involut fl-armar tal-Parroċċa Kolleġjata Maria Immakulata, Portelli għandu negozju qrib l-istess Knisja u l-familja Cachia Belli ilha ttella’ wirja ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira għal dawn l-aħħar 20 sena.
Illum, Bormla tiżżejjen b’kulur u ħsejjes mill-isbaħ f’esebizzjoni ta’ dak li huwa l-poplu Malti, ta’ dak li jagħmilna Maltin
275 sena ta’ storja tinżel fit-toroq ta’ Bormla llum
Għall-Bormliżi, l-Irxoxt qisha t-tieni festa u jagħtuha importanza u jiċċelebrawha bl-istess orgolju u passjoni daqs kemm jiċċelebraw il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni.
Fil-fatt dalgħodu fit-toroq ta’ Bormla mhux biss se jkun hemm statwa kwalunkwe tal-Irxoxt iddur mat-toroq, imma se jkun hemm opra tal-arti li illum għandha 275 sena.
Dan qalu lill-ILLUM John Galea li spjega kif kien lura fl-1741 li ġiet maħduma l-istatwa li llum se tkun qed iżżejjen it-toroq ta’ Bormla. Għalkemm mhux magħruf min ħadimha, huwa mifhum li l-artist huwa Spanjol, hekk kif jixhed l-istil tagħha. Fl-istess sena l-Irxoxt ta’ Bormla wasal f’din il-belt minn Napli, grazzi għar-rettur tal-Fratellanza tas-Salib, Celestino Sacco li ħallas għalih. Minkejja li l-Irxoxt għandu 275 sena, li jagħmlu wieħed mill-eqdem li jeżisti fil-pajjiż, għadu f’kundizzjoni mill-aqwa. Galea jaqbel ma’ dan għalkemm jispjega kif bħalissa għaddejin studji biex fiż-żmien li ġej jibda restawr sabiex ikun aċċertat u preservat dan il-wirt għall-Bormliżi u għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.
John Galea, Bormliż li illum jgħix Ħal Qormi, huwa parti minn grupp ta’ vountiera li jgħoddu mat-18-il persuna. Galea ilu jaħdem 35 sena jistinka ma’ dawn il-voluntiera biex għal kull avveniment u festa liturġika, il-Kolleġjata tkun imżejna kif jixraq, mhux l-anqas għall-akbar festa tal-Knisja Kattolika li tiġi ċċelebrata llum.
Ma’ din il-gazzetta huwa jgħid li r-rabta li għandu ma’ din il-festa flimkien mal-Knisja u ma’ Bormla għandha l-għeruq tagħha mill-familja tiegħu. Fil-fatt, missieru kien ukoll wieħed minn dawk in-nies li jieħdu ħsieb l-armar fil-Kolleġjata. “Minn mindu kont żgħir, trabbiet fija l-imħabba lejn Bormla, il-Madonna u l-festi li jsiru f’din il-belt, prinċipalment tal-Irxoxt. Dan jagħtik sens ta’ kburija u dedikazzjoni, fil-fatt jien iktar inqatta’ ħin hawn f’Bormla milli f’Ħal Qormi,” qal Galea.
Kull min għandu nitfa’ Bormliż fih, illum għal Bormla
Fil-fatt, huwa dan is-sentiment ta’ kburija u imħabba lejn l-għeruq li llum iressaq lejn din il-belt tant eluf. Galea jispjega ma’ din il-gazzetta kif ir-rabta tal-Bormliżi hija inter-ġenerazzjonali, tant li dalgħodu mhux biss ir-residenti ta’ Bormla jkunu qed jipparteċipaw f’din il-festa, iżda l-ulied, u l-ulied tal-ulied u wliedhom ukoll.
Ix-Xgħira ta’ Santa Margerita, il-pjazza u t-triq ta’ mal-baċir, illum fl-isbaħ li ilu ma jkun għal żmien twil, jimtlew b’familji, anzjani u żgħażagħ jiffesteġġjaw b’xi grokk jew b’xi ftit birra. Minkejja li żdiedu l-Irxoxtijiet, dak ta’ Bormla flimkien ma’ dak tal-Birgu wkoll, jibqgħu fost l-aktar popolari fil-pajjiż. Imma għalfejn? Għalfejn kull min huwa, kien jew iħossu Bormliż illum jinżel għal din il-festa?
Galea jagħti diversi raġunijiet għalkemm ifakkar kif l-ewwel u qabel kollox, l-Irxoxt ta’ Bormla ilu jiġi ċelebrat għal ħafna snin. Dan apparti li huwa magħruf l-aktar għal-ġirjiet tradizzjonali bl-istatwa. Galea jfakkar kif fost l-aktar popolari hemm il-ġirjiet li jsiru fi Triq l-Oratorju, imbagħad fi Triq Santa Margerita għal quddiem is-sorijiet tal-Klawsura, fejn isir it-tberik tal-figolli u fl-aħħar fix-Xgħira ta’ Bormla. Huma l-eluf li jiltaqgħu fix-Xgħira ta’ Bormla, bejn Bormla u l-Birgu, biex l-ewwel jaraw il-ġirja bl-Irxoxt ta’ Bormla imbagħad jerħulha ftit metri ’l bogħod u jaraw l-Irxoxt tal-Birgu.
Għall-Bormliżi, l-Irxoxt qisha t-tieni festa u jagħtuha importanza u jiċċelebrawha bl-istess orgolju u passjoni daqs kemm jiċċelebraw il-festa tal-Immakulata
Xi darba l-Irxoxt kien ibakkar kmieni
Galea jispjega kif il-medda ta’ żmien biddel miegħu ċerti użanzi u tradizzjonijiet. Tant li qal lill-ILLUM kif żmien twil ilu, il-purċissjoni tal-Irxoxt kienet toħroġ fl-4.30am. Maż-żmien, naturalment, dan inbidel u l-Irxoxt illum joħroġ fid-9.15am u jidħol fis-siegħa ta’ wara nofsinhar.
Imma mhux dan biss li jagħmel il-festa tal-Irxoxt f’Bormla uniku fl-istorja. Galea jispjega b’ċerta passjoni evidenti li qabel it-Tieni Gwerra Dinjija kien hemm tradizzjonijiet partikolari, fosthom li nhar Sibt il-Għid numru ta’ żgħażagħ kienu jaqbżu jgħumu u jdoqqu l-fifra u t-tanbur.
Jagħmel dawn il-festi fil-Kottonera speċjali l-post innifsu. Int u ssegwi l-festeġġjamenti f’Bormla, il-Birgu jew inkella fuq in-naħa l-oħra tax-xatt, fl-Isla, tista’ faċilment tpoġġi bilqiegħda għal veduta mill-isbaħ ta’ waħda mill-irkejjen tal-Port il-Kbir li jagħmluh verament ġojjell f’nofs il-Mediterran.
It-tnax-il fanal tal-Irxoxt ta’ Bormla
L-Irxoxt ta’ Bormla, kif diġà għidna għandu 275 sena. U dan jixduh ix-xejn inqas minn 12-il fanal li jdawru l-istatwa. Galea qal lill-ILLUM li dawn il-fanali huma fil-fatt, ix-xhieda ta’ meta l-purċissjoni kienet tibda minn kmieni filgħodu meta tkun għadha lanqas telgħet ix-xemx.
Mhux dan biss jagħmel lill-Irxoxt ta’ Bormla uniku. Jagħmlu uniku wkoll il-fatt li din l-istatwa, minflok il-bandiera ħamra bis-salib abjad, hemm f’idejn kristu l-palma tar-rebħa.
Din l-istatwa dalgħodu, kif ġara għal tant snin qabel, se tkun qed tintrefa’ minn tmienja minn nies, għalkemm għall-ġirjiet jidħlu jgħinu numru ikbar ta’ reffiegħa.
Il-kultura tal-Ġimgħa Mqaddsa f’Bormla
Iżda l-Ġimgħa Mqaddsa, li llum tasal fi tmiemha, mhix biss sett ta’ avvenimenti, imma hija kultura ta’ poplu, kultura ta’ belt u kultura tal-Kottonera kollha.
Meta l-ILLUM marret Bormla din il-ġimgħa, setgħet tinnota slaleb u pavaljuni żgħar suwed imdendlin minn diversi gallariji kif ukoll statwetti, ġeneralment tad-Duluri b’Ġesù mejjet f’idejha f’diversi twieqi.
Galea jgħidilna kif apparti dawn, f’Bormla wieħed isib is-sett ta’ vari mill-isbaħ, uħud minnhom bix-xogħol artistiku tal-Bormliż Abraham Gatt kif ukoll diversi ċenakli fejn wieħed isib it-tradizzjoni tal-pitturi fil-melħ, “tradizzjoni li bdiet hawn f’Bormla,” jgħid Galea b’ċerta kburija.
U ma kienx żbaljat għax hekk kif konna sejrin lura għall-karozza ltqajna ma’ familja Bormliża, il-familja Cachia Belli. Manuel, il-missier li għandu 60 sena, spjega lill-ILLUM kif bħala familja ilhom 20 sena sħaħ itellgħu wirja tal-Ġimgħa l-Kbira, b’sett statwi li huma kopja żgħira ta’ dawk li jinsabu fil-Kolleġjata. “Dan huwa d-delizzju tagħna,” qal Manuel “twelidna u għixna fih.”
‘Hawn huwa l-benniena ta’ dawn il-festi’
Intant l-ILLUM daħlet ukoll f’ħanut qrib ħafna tal-Knisja parrokjali fejn iltaqgħet ma’ Ray Portelli, is-sid tal-istess ħanut. L-armatura ta’ dan il-ħanut, pass ’il bogħod mir-Rialto, kien mimli bi statwi tal-Irxoxt għall-bejgħ.
X’ħin tidħol fil-ħanut, issib ukoll statwetti oħrajn kollha fuq il-kopja tal-Irxoxt ta’ Bormla, jew għall-bejgħ jew saħansitra biex jittella’ lotterija. Portelli li ilu b’dan il-ħanut 35 sena, stqarr mal-ILLUM li f’Bormla u fil-Kottonera kollha teżisti mħabba u dedikazzjoni kbira għal dawn il-jiem, u apparti mill-istatwi tal-Irxoxt huma bosta dawk li jixtru l-vari kollha tal-Ġimgħa l-Kbira biex jarmawhom id-dar.
“Hawnhekk hawn ħafna dilettanti,” ikompli Portelli u jgħid li l-Kottonera hija l-benniena ta’ dawn il-festi. Għalhekk, nhar Ħadd il-Għid tant eluf jiġu jgawdu din il-festa hawnhekk.”
Illum Bormla tiżżejjen b’kulur u ħsejjes mill-isbaħ f’esebizzjoni, mhux biss ta’ dak li toffri din il-belt u l-Kottonera kollha, imma wkoll ta’ dak li huwa l-poplu Malti, ta’ dak li jagħmilna Maltin. Illum din il-belt li hemm min, fl-injoranza grassa tiegħu jistkerraha, tixgħel b’ħajja li jfakkarna f’qawmien u fil-fidi li sawret pajjiż u li ffurmat poplu.