Għollielha l-kera b’€100 fix-xahar u sallabha waħda sew

Kostretta li titlaq mid-dar b'żewġ ulied u b'paga ta' cleaner trid tħallas €450 fix-xahar kera

Fl-investigazzjoni li qed tagħmel dwar ir-realta' soċjali fis-settur tal-proprjeta' il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ mara ta’ madwar 50 sena, li xtaqet tibqa’ anonima minħabba s-separazzjoni minn ma’ żewġha wara 24 sena ta’ żwieġ. Wara s-separazzjoni hija telqet mid-dar ta’ żewġha u b’żewġ ulied kriet appartament żgħir fil-Qawra bi €350 fix-xahar.

Sentejn ilu, wara 4 snin tgħix fih, sid il-kera infurmaha li kien li se jgħollilha l-kera b’€100 fix-xahar minħabba li l-valur tal-kirjiet fiż-żona għolew. “Jiena kont naħdem bħala cleaner f’lukanda fil-viċinanzi, kien l-aħjar li stajt insib wara 25 sena miżżewġa, bla kwalifiki u mara tad-dar. Naturalment, kelli nħallashom, imma qed nissallab bħalissa. B’paga ta’ cleaner u b’żewġt itfal, €100 iktar fix-xahar kerha ħafna.”

Meta l-ILLUM staqsiet għalfejn ma tapplikax għall-għajnuna tal-Gvern, hija qalet li sid il-kera kien qallha li jekk hi titlob l-għajnuna tista’ tispiċċa barra mingħajr saqaf fuq rasha.  

Din il-problema mhux tant kbira fejn jidħlu koppji, għax il-koppji li jridu jgħixu flimkien u jixtru post, ma tantx isibu diffikultajiet biex jixtru akkomodazzjoni u jmorru jieħdu xi loan mill-banek lokali. Għax il-banek jieħdu l-introjtu taż-żewġ konjuġi jew taż-żewġ ‘partners’ u jisilfuhom biżżejjed biex dawn jistgħu jixtru l-post li jkunu jifilħu jixtru.

Iżda jidher ukoll li dan il-pajjiż qed jiskarta lil dawk in-nies ‘single’ li jew jitħajru, inkella jiġu sfurzati miċ-ċirkostanzi tal-ħajja li jixtru post jew jikru post. Mhux qed nirreferu għal dawk in-nies li għandhom dħul qawwi, iżda għal kwart tal-popolazzjoni li għandhom paga minima jew viċin, u anke ma’ dawk li għandhom paga medja (jiġifieri dawk li jaqbdu madwar €1,400 sa €1,700 fix-xahar).

Il-housing soċjali kien wieħed mill-akbar problemi li semmew Deputati Laburisti li kienu tkellmu mal-ILLUM dwar l-ilmenti li qed jirċievu, anke jekk fuq l-ILLUM tal-20 ta’ Marzu kien żvelat kif il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali kien diġà identifika 16-il sit differenti madwar il-pajjiż li fuqhom, din is-sena stess se jibda proġett ta’ ‘housing soċjali’. Il-proġett se jiswa €50 miljun b’kollox.

 

More in Socjali