‘Fadlilna ħafna futur quddiemna’
L-ILLUM tiltaqa’ ma’ żewġ nisa li kkumbattew il-kanċer, rebħulu u llum qed jattendu kura tar-riabilitazzjoni
minn Albert Gauci Cunningham
Sitt snin ilu, Juliet Buhagiar instab li kellha melanoma, tip ta’ tumur li jattakka l-ġilda, u Carmen Fabri instab li kellha kanċer f’sidirha. Minkejja l-esperjenza kerha li għaddew minnha, illum iż-żewġ nisa ma jħarsux lura b’dispjaċir u dwejjaq iżda lejn dak li għad irid iseħħ b’ottimiżmu.
“Fadlilna ħafna futur quddiemna,” jgħidu ż-żewġ nisa li llum qed jattendu klassijiet fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, biex jirkupraw mill-isfidi u l-weġgħat li seta’ ħalla l-kanċer fuqhom.
Fil-fatt, l-ILLUM tiltaqa’ ma’ dawn iż-żewġ nisa ’l-bogħod mill-għajn pubblika, fl-istess ċentru ġdid fjamant fejn issib lil Juliet flimkien ma’ Carmen u numru ta’ nisa oħrajn għaddejjin bil-lezzjoni tagħhom mal-fiżjoterapista Corinne Fiorini. Ftit wara li jispiċċaw l-eċerżizzju, immorru nkellmuhom u minflok żewġ nisa mwaħħlin fil-passat, insibu żewġ nisa li llum huma iktar b’saħħithom milli qatt kienu.
‘Naqsmu ħafna esperjenzi bejnietna’
Juliet tgħid lill-ILLUM li sitt snin ilu instab li kellha melanoma, tip ta’ kanċer li jattakka l-ġilda u li fin-nisa jseħħ ħafna fis-saqajn, fost oħrajn. “Kienet sena ta’ sifdi kbar, imma jiena mara li dejjem rajt opportunitajiet fl-isfidi. Għalkemm ħakmitni din il-marda, dejjem ridt niġġilidha.”
Hi titkellem b’ċertu kburija dwar l-avvanz li tħoss li għamlet: minn miexja bl-għajnuna ta’ bastun, għal-lum, meta qed tingħaqad ma’ diversi nisa fi klassijiet apposta, li bdew jkunu organizzati minn ftit xhur ilu ta’ eżerċizzju fiżiku.
Hija tispjega kif in-nisa jiltaqgħu flimkien, jaqsmu esperjenzi li għaddew minnhom flimkien u jagħtu kuraġġ lil xulxin meta l-affarijiet ikunu diffiċli. “Il-kuraġġ,” tkompli tgħid Juliet, “huwa dak li hemm bżonn biex persuna tibqa’ tgħix kuljum. Ir-rieda li tgħix u l-kuraġġ iżommuk ’il fuq, ma jħallux il-mard iniżżlek ’l isfel,” tispjega din l-omm.
‘Ġieli bkejt, imma dejjem bqajt niġġieled’
Bħal Juliet qabilha, Carmen titkellem b’ċerta passjoni dwar il-passat riċenti tagħha u dak kollu li għaddiet minnu. “Dejjem iġġilidtilha u nibqa’ niġġildilha kemm nista’. Mhux qed ngħid li ma jaqbdukx dwejjaq, imma jien dejjem kont naqra ta’ mara fuq tiegħi u kull meta kont f’sitwazzjoni diffiċli dejjem iġġilidt.”
Carmen tgħid li l-kura li qed tingħata issa, permezz ukoll tal-eżerċizzju li qed tagħmel mal-fiżjoterapisti qed jgħin ħafna biex tkun b’saħħitha, tiltaqa’ man-nies u terġa tieħu saħħitha lura.
‘Il-kanċer iħalli marka, aħna qed nikkumbattula’
L-ILLUM titkellem ukoll mal-Kap tas-Servizzi ta’ Appoġġ Kliniku fiċ-ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, Raymond Attard Previ li jispjega kif din it-tip ta’ kura li qed jingħataw Juliet u Carmen hija differenti, għax minflok qed tħares lejn il-persuna bħala pazjent li tista’ tgħin ladarba tkun l-isptar, qed tħares lejn il-persuna nnifisha, lil hinn mill-mard.
Fil-fatt, jgħidilna Attard Previ dawn il-klassijiet li bdew f’Novembru tas-sena l-oħra jgħinu biex pazjent jirkupra kemm fiżikament, permezz ta’ mmaniġġjar tal-għejja u kontroll tal-piż, fost l-oħrajn imma wkoll psikoloġikament.
Fil-fatt, l-għan ewlieni ta’ din it-tip ta’ kura tgħin għax iżżid ir-rati ta’ nies li jgħixu l-kanċer, tnaqqas ir-rikorrenza tal-istess mard u tnaqqas ukoll riskji relatati mal-qalb, obeżità u dimensja. Imma apparti dan, din it-tip ta’ kura qed tgħin ukoll biex persuna tissoċjalizza ma’ nies li għaddew minn esperjenzi simili u terġa’ tibni ħajjitha mill-ġdid.
“Il-pazjent jibqa’ mmarkat mill-esperjenza tal-kanċer, għax jibqa’ jkollu ċerti biżgħat. U din il-kura qed tikkumbatti proprju dan,” jgħid Attard Previ.
‘Iħossuhom siguri meta jiġu hawn’
Intant, l-ILLUM tkellmet ukoll ma’ waħda mill-fiżjoterapisti li jmexxu l-klassi, Corinne Fiorini li spjegat kemm dawk li jiġu, iħossuhom siguri meta jiġu għall-klassijiet. ‘Imma tiltaqħu ma’ sfidi?’ tistqasi din il-gazzetta bir-riposta pronta ta’ Fiorini tkun, “iva, kellna sfidi u kellna sfidi kbar, imma llum qed ikunu l-pazjenti bil-kanċer stess li qed jiġu u jitolbu l-għajnuna.”
Filwaqt li tikkonferma l-kambjament li jaraw il-pazjenti, Fiorini titkellem ukoll dwar “sinerġija bejn il-pazjenti.”
‘Staff eċċellenti...jekk dak hu aġġettiv biżżejjed ‘
Juliet u Carmen, li ġentilment aċċettaw it-talba ta’ din il-gazzetta u qasmu l-esperjenzi tagħhom magħna, kellhom kliem mill-isbaħ għall-istaff kollu taċ-ċentru. “Eċċellenti,” qalet Juliet, “lanqas hemm kelma biex tiddeskrivi kemm jagħmlu xogħol tajjeb,” saħqet Carmen. Huma appellaw għal aktar fiżjoterapisti biex b’hekk tonqos xi naqra t-tgħabija li għandhom fuqhom.
Qabel tlaqna, iż-żewġ nisa komplew jisħqu dwar l-importanza tal-apprezzament tal-ħajja. “Kemm hu importanti li l-ħajja napprezzawha. Meta jiġri bħal ma ġara lilna, il-ħajja tibda tapprezzaha dejjem aktar.”
Fearne: Qed naħdmu aktar fuq il-kunċett ta’ riabilitazzjoni
Intant, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’kumment lill-ILLUM qal li għalkemm qed naraw aktar każijiet ta’ kanċer, ir-rata ta’ nies li jfiequ fl-aħħar snin żdiedet ħafna. “Il-kunċett ta’ riabilitazzjoni għal min ikun fieq mil-kanċer huwa wieħed li qed naħdmu fuqu. L-infrastruttura ta’ sptar ġdid, apparat u mediċini ġodda huma importanti, imma l-attenzjoni individwali li nagħtu lill-pazjenti hija importanti ukoll. Dan iseħħ waqt il-kura tal-marda, u issa qed isseħħ wara wkoll. Nagħti prosit lill-professjonisti tax-xogħol u dedikazzjoni tagħhom u nagħmel qalb lill-pazjenti u l-familji tagħhom għax jafu li fuq dan il-vjaġġ diffiċli mhumiex waħedhom,” temm jgħid il-Ministru Fearne.