‘Qed ngħajjex lil uliedi kif nista’ f’żewġ toqbiet’

Joanne, Omm ta’ erbat itfal għexet, jew pruvat tgħix, għal snin sħaħ f’dar ikkundannata bis-saqaf se jaqa’ u ma jaqax fuq rasha u ras uliedha. Tliet Ministri jafu dwar is-sitwazzjoni gravi li fiha tinsab Joanne

Il-post kellu żewġt ikmamar, mingħajr aċċess għall-aktar affarijiet baziċi, lanqas provvista ta’ elettriku. Illum tgħix fi tliet ikmamar, mingħajr kamra tal-banju, mingħajr sink tal-kċina fejn taħsel il-platti, u biex tiekol u tmantni lil uliedha tiddependi fuq oħtha u l-ġenerożità ta’ dawk li jafu f’liema sitwazzjoni qiegħda tgħix.

Din hija biss parti mill-miżerja li tinsab fiha Joanne* li emozzjonata, għalkemm xi ftit imbarazzata wkoll, titkellem mal-ILLUM dwar kif spiċċat bla saqaf fuq rasha hekk kif qed tkun kostretta tgħix fi tliet kmamar ġo maħżen mingħajr lanqas biss id-diċenza u l-privatezza ta’ kamra tal-banju. “Kellhom iwaħħluli toilet temporanju biex naqdu l-bżonnijiet tagħna fih. U dan wara li kont inħallas €180 kull xahar biex ngħix f’post ikkundannat b’żewġt ikmamar, sakemm kellna nitilqu għax is-saqaf tal-appartment ta’ ħdejna ġġarraf.”

‘Qed nipprova nagħmel dak li nista’ biex uliedi jkunu kuntenti’

“Tista’ timmaġina kemm konna ħażin, kelli nqabbad kollox minn plakka waħda biss: washing machine, TV, fann...sakemm darba nħaraq l-extension u l-kurrent għadda sal-vit tal-banju. Kelli t-tifla għal naqra ma baqgħatlix tal-post,” tispjega l-omm b’qalbha maqsuma.

L-ILLUM staqsiet lil Joanne jekk pruvatx tfittex postijiet aktar diċenti fejn tista’ tikri. “Kif? B’liema flus? B’€300 kull xahar illum ma ssib xejn, jew għall-inqas żgur ma ssib xejn biex tkun tista’ tgħajjex erbat itfal. Ninsab waħdi nipprova nmantni lil uliedi, waħda ta’ sentejn, jiġifieri naħdem ma nistax. Sakemm forsi jkun imissni post tal-Gvern ikolli nikkuntenta bi tlett ikmamar. Issa xtrajt naqra ‘bricks’ biex forsi jkollna kamra tal-banju.

L-ILLUM hija nfurmata li bil-każ ta’ Joanne jafu tliet Ministri u għalkemm dejjem qed tkun infurmata li l-każ gravi ta’ housing tagħha qed ikun investigat, s’issa Joanne u wliedha għadhom qed jgħixu f’sitwazzjoni fejn ma jafux x’se jiġri għada, ma jafux jekk hux se jispiċċaw litteralment barra t-triq. 

Mal-ILLUM, Joanne tispjega kif tixtieq li jkollha d-dar tagħha “u naħseb jekk inħallas loan immur aħjar minn issa għax ikolli xi ħaġa tiegħi, imma ma nistax, ma nistax nagħti dak li ħafna ommijiet jagħtu lil uliedhom.” Bejn mument ta’ silenzju u ieħor, Joanne tispjegalna kif lanqas jekk trid tikri, ftit li xejn tista’. “Ħafna drabi jitolbuk €1,000 depożitu biss. Nifhem li għandhom dritt jitolbuh, ifhimni, imma jien minn fejn se nsibhom dawn il-flus? Jiġifieri nixtri ma nistax għax il-bank mhu se jtini xejn u nikri ma naffordjax.”

L-ILLUM staqsiet kif jista’ jkun li post bħal dak li għexet fih, ikkundannat, mingħajr plakkek u b’żewġt ikmamar jinkera. Is-ħaddiema soċjali li qed taħdem fuq il-każ ta’ Joanne, li kienet maġenbha tul l-intervista, esprimiet l-istagħġib tagħha li dawn l-affarijiet qed jitħallew isiru f’pajjiżna mingħajr ebda forma ta’ kontroll u spezzjonar.

‘Nixtieq imqar immur s’Għawdex...imma ma nistax’

L-omm xtaqet tibqa’ tirrakonta l-istorja tagħha sakemm bdiet tispjega kif tipprova tgħaddi jum wara l-ieħor. “Kemm tista’, oħti vera tgħinni u tkun ta’ spalla, imma taf int hux? Mhux faċli...mhux faċli.” Tieqaf għal ftit mumenti u sakemm terġa’ ssib il-kliem, is-social worker tfakkarna kemm Joanne hija kuraġġuża u kemm qed tirsisti biex tal-inqas lil uliedha tagħtihom edukazzjoni u dak li huwa bażiku.

“It-tifla diġà qed tfaddal ftit flus biex tgawdi l-festa,” qaltilna l-mara li trid tgħajjex lil uliedha waħedha. L-ILLUM tistqasiha kif tħossha meta jkun hemm min jgħid li s-single mothers huma fil-maġġor parti tagħhom nies li qed jabbużaw mis-sistema, bl-argument issa komuni li ‘l-aqwa li jmorru jagħmlu d-dwiefer u xagħarhom.’

Hija tammetti li hemm min verament qed jabbuża, “vera hemm min jabbuża u vera li hemm min jonfoq ħafna għad-dehra, imma ħares lejn difrejja u lejn xagħri. Mill-ftit li għandi nagħtihom lil uliedi u biex inħallas biex ngħixu kif nistgħu, biex għall-inqas għall-iskola jkollhom ikel, biex meta jasal kont inkun nista’ nħallsu, anke jekk bin-nifs. Nixtieq imqar mmur s’Għawdex imma ma nistax.”

 

 

 

 

 

 

 

More in Socjali