Tinfetaħ berġa tas-saħħa ġdida f'Ħal Safi

se tkun qed toffri diversi servizzi fosthom ta’ tabib, speech therapists, kif ukoll sevizzi ta’ podoloġija

Il-Ministru Fearne u s-Segretarju Buontempo waqt il-ftuħ ta' berġa ġdida
Il-Ministru Fearne u s-Segretarju Buontempo waqt il-ftuħ ta' berġa ġdida

Illum ġiet inawgurata berġa tas-saħħa oħra, din id-darba fir-raħal ta’ Ħal Safi. Il-berġa ġiet inawgurata mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Segretarju Parlamenti għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo, flimkien mas-Sindku Johan Mula. Il-ftuħ ta’ din il-berġa sar bħala parti mill-proċess li fih il-Gvern qed jimmodernizza u jiddevolvi l-bereġ sabiex is-servizzi tas-saħħa jkunu aktar deċentralizzati u jintlaħqu malajr, proċess li permezz tiegħu il-bereġ f’diversi lokalitajiet reġgħu ngħataw il-ħajja mill-ġdid.

Il-Ministru għas-saħħa Chris Fearne qal li din il-berġa se tkun qed toffri diversi servizzi fosthom ta’ tabib, speech therapists, kif ukoll sevizzi ta’ podoloġija. “L-iskop ta’ dawn il-bereġ huwa fost oħrajn sabiex anzjani u nies b’ċertu bżonnijiet ta’ mard oħra ma jkollhomx għalfejn jivvjaġġaw fit-tul sabiex jieħdu ċertu servizzi. Illum insibu aktar minn 54 berġa mqassmin f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, u fihom isiru madwar 200,000 appuntament fis-sena. Għalhekk dawn il-bereġ jiffurmaw parti essenzjali mill-kura primarja li tingħata fil-komunità.”

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo qal li l-berġa ta’ Ħal Safi hija prodott ieħor tal-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet. “Permezz tal-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet qed inkomplu nressqu s-servizzi tas-saħħa lejn il-komunità. Dan qed isir permezz ta’ investimenti mmirati sabiex jiġu rrinovati binjiet li qabel kienu abbandunati jew mhux użati. Illum f’dawn il-bereġ qed jingħata servizz tas-saħħa fil-komunità f’ambjent sabiħ u akkoljenti, u fuq kollox fejn iċ-ċittadin qed ikun moqdi fil-lokalità tiegħu stess.”

Buontempo qal ukoll li l-proġett tal-berġa ta’ Ħal Safi ġie jiswa mal-€55,000, u fl-istess binja tal-kunsill fejn tinsab issa hemm ukoll is-sala tal-komunità u day centre għall-anzjani, minbarra l-uffiċini amministrattivi. “Għalkemm fil-każ ta’ Ħal Safi mhux se tintuża l-istess berġa antika u li kienet maqtugħa mill-qalba tal-lokal, dawn il-binjiet kienu abbandunati u mitluqin. Issa grazzi għad-devoluzzjoni mill-Gvern u l-ħidma tal-kunsilli qed jiġu rranġati u mmodernizzati. Ħadd għajr il-kunsilli nfushom ma jaf x’inhu l-aħjar għall-komunità tagħhom. Bl-immaniġġjar u ż-żamma ta’ dawn il-bereġ qegħdin nagħtu l-għodda f’idejn il-kunsilli biex jamministrawhom bl-aħjar mod b’risq iċ-ċittadini.”

More in Socjali