L-Awtorità tad-Djar qed tinvestiga l-każ soċjali li kien irrapurtat fuq din il-gazzetta bħal-lum ġimgħa. Wara li l-ILLUM irraportat kif mara qed tgħix mal-erba’ wliedha f’żewġt ikmamar issa tinsab infurmata li dan il-każ qed ikun investigat u jingħata l-attenzjoni meħtieġa “flimkien ma’ applikazzjonijiet oħra li jaqgħu fil-kriterji ta’ homeless.”
Fil-fatt l-Awtorità tad-Djar infurmat lil din il-gazzetta kif l-investigazzjoni fuq fil-każ ta’ Joanne* beda lura f’Mejju li għadda l-ispettur “mar jagħmel spezzjoni fir-residenza u sab lil Joanne f’dan il-post li jikkonsisti minn żewġt ikmamar u li ma kienx fi stat li jgħixu ħames persuni fih.”
Il-Gvern jelenka lista ta’ benefiċċji li ħa u li Joanne tista’ tgawdi minnhom
L-Awtorità iżda ċaħdet illi l-mara u l-erba’ wliedha kienu qed jgħixu taħt thedida u qalet illi fil-fatt meta kompliet l-investigazzjoni fil-15 ta’ Lulju fil-proprjetà ma kien jidher li għadu joqgħod ħadd. “Il-proprjetà kienet vojta u ma kien hemm xejn u għalhekk deher bic-ċar li l-mara u wliedha ma kinux qed jgħixu fil-post perikoluz li qed jiġi allegat,” sostniet l-awtorità.
Intant l-ILLUM għamlet kuntatt mal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali b’kelliema għall-istess Ministeru tikkonferma illi Joanne tirċievi €839.93 fix-xahar f'benefiċċji, b’referenza għall-benefiċċju tar-relief. L-istess kelliema qalet ukoll illi “kieku Joanne kellha tikkunsidra li toħroġ taħdem tkun tista’ tibbenefika minn inċentivi li qed joffri l-Gvern biex nies f'diffikultajiet ikunu jistgħu jerġgħu jqumu fuq saqajhom. Fost dawn il-benefiċċji,” kompliet tgħid il-kelliema, “hemm it-tapering of benefits fejn jekk kemm il-darba persuna toħroġ taħdem hija tibqa’ tirċievi il-benefiċċji soċjali għal tliet snin. Wara dawk it-tliet snin tkun intitolata għal-inwork benefit li jlaħħaq rata ta' €1,200 għal kull wild fis-sena, filwaqt li t-tfal li għandhom inqas minn tliet snin għandhom iċ-Childcare b'xejn.”
L-Alleanza Kontra l-Faqar tiġbor erba’ darbiet iktar milli talbet f’għajnuna
Intant matul din il-ġimgħa l-gazzetta ILLUM irċeviet numru kbir ta’ messaġġi u talbiet ta’ diversi nies li xtaqu illi b’xi mod jgħinu lil Joanne u lil uliedha, min b’mod finanzjarju, min permezz ta’ oġġetti li xtaqu jirregalaw u min permezz ta’ servizzi fid-dar li kienu lesti li joffru.
Fil-fatt din il-gazzetta hija infurmata wkoll illi l-Alleanza Kontra l-Faqar, li organizzat ġabra għall-istess mara, f’temp ta’ ftit ġranet irnexxielha tiġbor iktar minn erba’ darbiet dak li kienet qed titlob. Kien Charles Miceli, mill-istess Alleanza li ħa l-inizjattiva biex issir din il-ġabra biex b’hekk Joanne tkun tista’ tal-inqas tkopri xi bżonnijiet u spejjeż bażiċi u imminenti. Il-flus kienu mgħoddijin lil dawk li qed jgħinu u jsegwu l-każ ta’ Joanne u li ilhom jagħmlu dan għal dawn l-aħħar erba’ snin.
F’kuntatt li l-ILLUM reġgħet għamlet ma’ Joanne, din esprimiet l-gratitudni tagħha lejn dawk kollha li qed jgħinuha u li wrewha xi forma ta’ kompassjoni. Ittamat li fil-futur, mhux imbiegħed tkun tista’ tgħix mill-ġdid, b’dinjità b’saqaf diċenti fuq rasha u ras uliedha.