Tagħmilx storbju jekk jogħġbok!

L-istorbju l-akbar problema għal 28% tal-Beltin

Ray Azzopardi
Ray Azzopardi

Il-ġimgħa l-oħra, qam għagħa sħiħ hekk kif filmat tas-CCTV wera raġel jarmi ż-żibel f’kantuniera partikolari fil-Belt Valletta. Għalkemm ir-reazzjonijiet kienu ħafna, rapport u statistika li saru mill-Eurostat, juru li fil-fatt, iż-żibel jew l-immaniġġjar tal-iskart jista’ jkun parti biss minn problema ħafna ikbar u diversa. Fil-fatt, minn rapport tal-istess aġenzija Ewropea ‘Urban Europe – statistics on cities, towns and suburbs’ jirriżulta li waħda mill-akbar problemi li qed jaffaċċjaw ir-residenti Beltin huwa l-istorbju.

Xejn inqas minn 28% tar-residenti Beltin li pparteċipaw f’dan l-istħarriġ  saħqu li l-istorbju huwa problema. Ċifra li tpoġġi lill-Belt Kapitali ta’ pajjiżna fit-tieni post wara Praga, bl-aktar ilmenti dwar din il-problema. L-anqas li tħabbel ras il-Beltin, min-naħa l-oħra, hija l-problema tal-qgħad. Fil-fatt kienu 5% biss tal-Beltin li pparteċipaw f’dan l-istħarriġ u li semmew in-nuqqas ta’ xogħol bħala problema, fil-belt fejn jgħixu.

L-ilment dwar l-istorbju kien ikkonfermat mill-Kunsillier tal-Partit Laburista fil-Belt Valletta Ray Azzopardi li fakkar kif b’popolazzjoni li qiegħda dejjem tixjieħ u b’aktar negozji li qegħdin jiftħu, l-istorbju sar dejjem aktar ta’ problema. “Għandek xogħol ta’ kostruzzjoni, li jkun għaddej mal-ġurnata kollha u apparti minn hekk, għandek żieda qawwija fin-nurmru ta’ negozji differenti li qed jiftħu l-Belt,” qal Azzopardi.

Huwa sejjaħ l-iżvilupp li qed iseħħ fil-Belt Valletta bħalissa ‘rivoluzzjoni’, b’wine bars, negozji u anke boutique hotels qed jiftħu f’diversi akwati tal-belt. Fakkar ukoll iżda li apparti n-negozju “hemm ukoll residenti, li aktar kemm jgħaddi żmien, aktar qed issir anzjana u allura aktar hija sensittiva għall-istorbju.”

Għalkemm ammetta li ftit jista’ jkun hemm kontroll fuq l-istorbju, Azzopardi qal ukoll li hemm bżonn li jkunu mħarsa l-liġijiet biex b’hekk ikun hemm rispett reċiproku bejn il-komunità tan-negozju, li qiegħda dejjem tikber fil-Belt Valletta u r-residenti.” 

More in Socjali