Il-Parlament jiftaħ il-bibien fil-lejl tan-Notte Bianca

...nhar is-Sibt li ġej il-Belt Valletta terġa timtela' bil-ħajja matul il-lejl l-abjad

Tul il-lejl ta’ Notte Bianca 2016, li ser issir nhar is-Sibt l-1 ta’ Ottubru, il-pubbliku ser ikun jista’ jżur il-Kamra tad-Deputati tal-Parlament ta’ Malta, bejn is-sitta ta’ waranofsinhar u nofsillejl.  Dawn iż-żjarat ser ikunu organizzati bi gwidi li ser jagħtu tagħrif dwar l-għanijiet ta’ din l-istituzzjoni importanti ta’ Malta, il-proċedura parlamentari, ix-xogħol tal-Kumitati tal-Kamra, u ħidmiet oħra tal-Parlament.

Science in the House

Matul din l-edizzjoni ta’ Notte Bianca, dawk kollha li jkunu qed iżuru l-bini tal-Parlament ta’ Malta jistgħu anke jżuru l-wirja ‘Science in the House’ li tifforma parti minn attività annwali akbar imsejħa Science Week in the City 2016  imtella’ mid-Dipartiment tax-Xjenza tal-Università ta’ Malta, flimkien mal-European Researchers’ Night Consortium, li għal darb’oħra se tkun qed tittella’ fil-bini ta’ din l-istituzzjoni taħt l-awspiċi tal-Ispeaker tal-ParlamentDin il-wirja sejra turi x-xogħlijiet ta’ riċerka li qed isiru fl-università fix-xjenza, b’mod partikolari fin-neuroscience, l-informatika (ICT), l-inġinerija, ix-xjenza medika, u l-qasam soċjali. 

Transplant Support Group

Waqt li tkun għaddejja din l-attività notturna li issa saret tant popolari, fl-istess bini tal-Parlament se  jkun hemm ukoll membri mit-Transplant Support Group (TSG) sabiex iħeġġu aktar Maltin ikunu ġenerużi mal-morda u fl-istess waqt jagħtu tagħrif lil dawk l-individwi li juru x-xewqa tagħhom li jinkitbu fir-Reġistru tad-Donaturi ta’ Organi (Organ Donors).  Hija x-xewqa tal-organizzaturi li n-numru tad-donaturi tal-organi jiżdied bl-għan li l-ħtiġijiet tal-pazjenti milquta minn mard kiefer jintlaħqu sabiex nagħtuhom tama għal ħajja aħjar.

Kampanja Nazzjonali għal aktar għarfien dwar id-Dimensja

Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, fi ħdan il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, ser ikun preżenti wkoll fil-bini tal-Parlament waqt l-attività tan-Notte Bianca biex ikompli jippromwovi  kampanja nazzjonali dwar id-dimensja bl-għan li l-pubbliku jsir jaf aktar dwar din il-kundizzjoni medika li tolqot lil ħafna, l-aktar dawk f’età avvanzata. Permezz ta’ din il-kampanja edukattiva, il-pubbliku ser ikun mgħarraf jinduna bl-ewwel sinjali ta’ din il-kundizzjoni u jitħeġġeġ sabiex ikun ta’ għajnuna lil dawk milquta. 

WirjaTake Care of the Environment for the Future Generations

Ser inkun hemm ukoll wirja ta’ lbies b’gazzetti riċiklati u arranġamenti ta’ fjuri bit-tema ‘Take Care of the Environment for the Future Generations’, imtella’ minn Connie Scerri u l-istudenti tagħha, Connie Scerri Floral Class.

Il-membri tal-pubbliku li jixtiequ jżuru l-Parlament għandhom ikollhom fuqhom il-karta tal-identità.  It-tfal għandhom ikunu akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom.

 

 

More in Socjali