Silenzju dwar x’qed jieħdu lura l-artisti lokali mingħand il-PRS

L-ILLUM tibqa’ mingħajr risposta dwar kemm jaqilgħu l-artisti Maltin mingħand il-PRS bħala ħlas talli l-mużika tagħhom tindaqq fuq l-istazzjonijiet tar-radju

Rapport fuq il-ħarġa tal-Ħadd li għadda tal-ILLUM kixef is-sitwazzjoni ta’ numru ta’ sidien tal-ħwienet li dan l-aħħar irċevew kont mingħand il-kumpanija PRS For Music, biex iħallsu ammont ta’ bejn €180 u €200 għaliex qegħdin idoqqu r-radju fil-ħwienet tagħhom.

Wara li r-rapport tal-ILLUM qajjem diskussjonijiet kbar fuq il-media soċjali, sar anke kuntatt dirett mal-kumpanija PRS For Music li lokalment hija responsabbli biex tiġbor il-flus, li mbagħad imorru għand l-artisti/kompożituri.

Mal-ILLUM, Jackie Church, il-Kap tad-Dipartiment tal-Liċenzjar Internazzjonali f'PRS For Music fakkret lil dawk is-sidien li qed joġġezzjonaw għal dan il-ħlas li kulħadd għandu dritt jaqla' l-għixien tiegħu, mill-prodott li jkun ħoloq, li f’dan il-każ hija l-mużika. Ippreżentata bl-oġġezzjonijiet ta' Peplow, Church fakkret kif, “Bħalma tħallas biex tixri l-affarijiet li jagħmlu l-ħanut sabiħ jeħtieġ tħallas ukoll biex tuża l-prodott tal-artist… l-artist irid jgħix ukoll”.

Church sostniet li "F'dinja u realtà diġitali, in-nies ġeneralment jinsew illi dawk li jiktbu diska jew l-artist iridu jitħallsu wkoll. Anke huma għandhom dritt ta' għixien. Aħna bħala kumpanija," tkompli tgħid Church, "niġbru dawn il-flus li wara kollox se jmorru għand dawk li bid-dritt jistennew dħul mill-prodott tagħhom."

Church fakkret li kull negozju inkluż bars u ristoranti u mhux salons biss jeħtieġ li jkunu liċenzjati mal-PRS. "Kull negozju jeħtieġ ikollu din il-liċenzja u aħna se naraw li l-flus li għandhom jinġabru, jinġabru. Kulħadd għandu dritt jgħix u jaqla’ l-flus, anke artist."

Dwar dan, L-ILLUM staqsiet lil Church dwar kemm jaqilgħu l-artisti Maltin mingħand il-PRS bħala ħlas talli l-mużika tagħhom tindaqq fuq l-istazzjonijiet tar-radju. Dwar dan s’issa, din il-gazzetta għad ma kellha ebda risposta mingħand il-PRS.

Intant, Mike Peplow, is-sid ta’ negozju f’Buġibba, permezz tiegħu l-ILLUM fetħet il-kwistjoni tal-kontijiet mibgħuta mill-PRS, reġa’ għamel kuntatt mal-gazzetta sabiex jiċċara punt li dwaru saru ħafna diskussjonijiet matul din il-ġimgħa. Peplow beda billi qal li huwa m’għandu xejn kontra ebda artist u aktar u aktar li dawn jitħallsu ta’ xogħolhom. Peplow żied jgħid li huwa qatt ma pretenda li meta individwu juża kanzunetta għal riklam, ma jħallasx ir-‘royalties’ lill-awtur, anzi jemmen li fuq hekk dawn il-liġijiet għandhom jiġu infurzati sabiex kullħadd jieħu dak li verament ħaqqu. L-argument ta’ Peplow kien dejjem fuq is-servizz tax-xandir u l-istazzjonijiet tar-radju.

L-ittra li s-sidien tal-ħwienet irċevew mingħand il-PRS (Performing Rights Society), sostniet li l-istazzjonjiet tar-radju jħallsu liċenzja lill-PRS biex ixandru l-mużika, iżda li din ma tkoprix ix-xandir f’postijiet pubbliċi bħal ħwienet, bars u postijiet tax-xogħol. Dawn il-postijiet iridu jħallsu liċenzja separata. Il-mistoqsija ta’ Peplow, u abli ta’ ħafna oħrajn li rċevew il-kont hija għall-użu ta’ min qiegħda titħallas il-liċenzja mill-istazzjonijiet? Għan-nisa tad-dar u l-anzjani li jkunu weħidhom, jew esklussivament għal min ikun waħdu fil-karozza jew f’kamartu jisma’ r-radju?

Skont Peplow, ir-raġunament tal-PRS huwa li l-istazzjonijiet tar-radju m’għandhomx bżonn lis-semmiegħa li jkunu f’postijiet pubbliċi jew fuq ix-xogħol. Lanqas jidher li qegħdin jikkunsidraw li ħafna stazzjonijiet ixandru direttament minn xi ċentru kummerċjali biex imbagħad l-istess ħwienet taċ-ċentru jħallsu l-istazzjon tar-riklam li jkun qed jagħmillhom.

Ta’ min jinnota li l-ħwienet li minnhom qed tintalab il-kontribuzzjoni tal-PRS ma jaqilgħux l-għixien tagħhom minn fuq ix-xandir tal-mużika, bid-differenza tal-istazzjonijiet tar-radju. Peplow saħaq fuq il-punt li meta fil-ħwienet jinxtegħel radju, il-klijenti jkollhom jisimgħu kanzunetti li m’għażlux huma, bejn reklami kummerċjali u kummentarji tad-DJs. “L-għażla tagħna tkun biss tal-istazzjon u mhux ta’ x’jixxandar fuqu,” sostna Peplow.

Jekk il-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur titlob li għandu jsir ħlas lil kull artist li tixxandar il-mużika tiegħu, mela għandu jkun l-istazzjon tar-radju, li qed jagħmel il-flus mix-xandir tad-diski li jħallas il-liċenzja biss, u mhux is-semmiegħ li lanqas biss għandu għażla ta’ x’se jisma’.

Punt ieħor li qajjem Peplow kien li ta’ kuljum, ħafna xandara jsellmu lill-ħaddiema tal-fabbriki, lil tal-ħwienet, lill-hairdressers, lin-nies fl-uffiċini u lis-semmiegħa in ġenerali. “Filwaqt li dan huwa ġest sabiħ,” qal Peplow, “huwa wkoll indikazzjoni li huwa fl-interess tal-istazzjon li jxandar f’dawn il-postijiet”. Dan huwa eżempju ċar li jqajjem dubju dwar min fil-verità għandu jħallas din il-liċenzja li tkopri l-klawżola tal-‘public performance’ imposta mill-PRS.

Intant, nhar il-Ħamis li għadda, il-GRTU ħarġet stqarrija wara laqgħa tal-kunsill, fejn qalet li fl-aħħar ġimagħtejn kienet "miżgħuda bl-ilmenti mingħand sidien tal-ħwienet li jew, bħal Mike Peplow, iħossu li l-ħlas m'għandux isir jew inkella ma jistgħux jifhmu kif il-PRS For Music qed tikkalkula l-ħlas. Mistoqsija biex tikkwantifika kemm nies ressqu għand il-GRTU b'ilment il-Kap Eżekettiv tal-GRTU Abigail Psaila Mamo qalet li kienu qed jirċievu mal-10 ilmenti kuljum għall-aħħar ġimagħtejn, jiġifieri mal-140 ilment s'issa. 

Jidher li skont il-PRS, kemm jekk il-mużika tinstema’ waqt programm tat-televiżjoni jew radju f’ħanut, u anke jekk tindaqq f’taxi jew karozza tal-linja, trid tiġi mħallsa liċenzja għaliha, li tista’ tiswa minn mitt ewro sa eluf ta’ ewro fil-każ ta’ stabbilimenti kbar. Fil-każ tar-ristoranti il-kontribuzzjoni tista’ titla’ sa €8.24 għal kull siġġu jekk tindaqq fl-isfond u aktar jekk il-mużika tkun qed tindaqq ‘live’.

It-tħassib tal-GRTU huwa dwar il-mod ta’ kif dawn iċ-ċifri qegħdin jiġu kkalkulati, hekk kif jemmnu li dan għandu jsir b’mod trasparenti u taħt skrutinju. Jidher ukoll li l-kalkuli mhux qegħdin jikkunsidraw l-impatt fuq in-negozju. Huwa wkoll evidenti fuq il-bord li japprova l-operat tal-PRS mhemm ebda membru li jirrappreżenta l-intrapriżi u n-negozji ż-żagħar.

Bħalissa hawn ħafna negozjanti irrabjati dwar dawn il-kontijiet li qed jirċievu mill-PRS u qegħdin jitolbu ġustifikazzjoni għal din l-ispiża żejda li qed tintalab minnhom. Fil-ġurnata tal-lum, f’era diġitali fejn il-mużika hija disponibbli b’xejn permezz tal-internet fuq kwalunkwe apparat elettroniku, in-negozjanti qed isibuha diffiċli jiġġustifikaw din it-talba għall-kontributi dwar id-drittijiet tal-awtur.

Il-GRTU qiegħda titlob lill-membri tagħha biex jibagħtulhom kopji ta’ kull korrispondenza li jkollhom mal-PRS u qiegħda wkoll titlob biex issir laqgħa mal-bord tad-drittijiet tal-awtur, li jagħmel parti mill-Ministeru tal-Ekonomija, sabiex tiġi diskussa din il-kwistjoni.

More in Socjali