filmat | Aktar minn terz tal-imnasab f'dil-ħarifa huma illegali - Birdlife

'L-art okkupata minn imnasab fil-kampanja Maltija dan l-istaġun hi ikbar mid-daqs tal-Belt Valletta'

Aktar minn terz tal-imnasab li qed jintużaw tul dan l-istaġun tal-insib fil-ħarifa mhumiex reġistrati u huma illegali, waqt li l-kumplament tas-siti permessi mill-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) f’siti Natura 2000 possibbilment imorru kontra r-regolamenti għall-ħarsien tal-ħabitats. Dan intqal minn Birdlife Malta u CABS, fi stqarrija konġunta.

BirdLife Malta u l-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) illum qed jiżvelaw ir-riżultati ta’ stħarriġ separat li għamlu tul l-istaġun tal-insib tal-2016, wara diversi rapporti li tressqu quddiem l-awtoritajiet tal-infurzar dwar numru ta’ siti tal-insib madwar Malta u Għawdex. Dawn ir-riżultati jsegwu sejħa li saret aktar kmieni miż-żewġ organizzazzjonijiet kontra l-użu rampanti ta’ apparat illegali għall-għajjat elettroniku tul l-istaġun tal-insib.

L-istħarriġ li sar permezz ta’ titjiriet fuq il-kosta li matulhom ittieħdu ritratti mill-ajru ta’ mnasab attivi tul l-irdumijiet mal-kosta; li l-maġġoranza tagħhom huma siti li ġew iddikjarati parti min-netwerk Natura 2000 minħabba l-ħabitats importanti li għandhom. Wara li l-postijiet fejn ġew identifikati l-imnasab ġew imqabblin maz-zoni mmarkati bħala ħabitat protett mill-Awtorità Maltija tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), kemm BirdLife Malta kif ukoll il-CABS għamlu rapporti lid-WBRU li fihom esprimew dubji serji dwar il-legalità ta’ dawn is-siti.

Minn total ta’ 106 siti li tressqu minn BirdLife Malta, id-WBRU wieġbet li 49 ma kinux reġistrati (46%). Min-naħa tagħha l-CABS ressqet b’mod separat rapporti dwar 73 sit lid-WBRU u rċeviet notifika li 19 minn dawn ma kinux reġistrati (26%).

Il-maġġor parti ta’ dawn instabu fuq ħabitat li huwa xagħri protett. Dan ifisser li 68 sit minn total ta’ 179 mhumiex reġistrati u għalhekk huma illegali (38%).

Is-siti ġew irrappurtati wkoll lill-Pulizija u lill-ERA, imma minkejja r-rapporti li saru s-siti kollha li ġew iċċekkjati mill-ġdid mill-CABS fl-aħħar ta’ Novembru kienu għadhom qed jintużaw għall-insib. Sussegwentement, BirdLife Malta talbet lill-ERA twieġeb x’azzjoni ta’ infurzar qed tittieħed f’dawn il-postijiet. L-ERA wieġbet li din hi materja li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Korp tal-Pulizija. Waqt l-aħħar laqgħa tal-Kumitat Ornis, id-WBRU iddikjarat li sal-15 ta’ Diċembru l-pulizija kienu ressqu biss tliet każi ta’ użu illegali ta’ mnasab, waqt li l-ERA min-naħa tagħha qalet li kienet ħadet azzjoni fuq sit wieħed biss f’Għawdex.

More in Socjali