Użu rekord tal-elettriku fix-xitwa minħabba l-kesħa tal-aħħar jiem

L-Enemalta tirraporta l-akbar domanda li qatt kellha fix-xitwa, minħabba l-kesħa tal-aħħar ġranet

L-Enemalta rrappurtat kif laħqet l-ogħla livell ta’ domanda għall-elettriku għall-istaġun tax-xitwa it-Tnejn filgħaxija, hekk kif aktar klijenti xegħlu l-air conditioners u apparat ieħor tal-elettriku biex itaffu ftit mill-kesħa ta’ dawn l-aħħar jiem.

Dan il-peak electricity grid load staġjonali ġdid, jiġifieri l-aktar ammont ta’ elettriku mqassam fis-sistema tad-distribuzzjoni u kkunsmat mill-klijenti, laħaq livell ġdid ta’ 410 MW għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija nhar it-Tnejn 9 ta’ Jannar.

Qatt qabel ma kien ikkunsmat ammont daqstant kbir ta’ elettriku fl-ixtiewi Maltin ta’ qabel. L-eqreb ammont intlaħaq fi Frar tal-2005 meta ġew imqassma 402 MW ta’ enerġija elettrika. L-ogħla livell tax-xitwa qiegħed bil-mod joqrob lejn ir-rekord ta’ kull żmien; 438 MW f’Lulju 2015.

It-Tnejn, fil-mument li ntlaħaq dan l-ammont, il-parti l-kbira tad-domanda għall-elettriku kienet qed tintlaħaq mill-power stations lokali, id-Delimara 1 u Delimara 3 li joperaw bl-HFO u d-Delimara 2 bid-diesel. Il-kumplament kien qed jiġi mill-Malta- Italy Interconnector, li jiflaħ iwassal fis-sistema tad-distribuzzjoni Maltija sa 192 MW minn Sqallija. Fl-istess ħinijet, ma kien hemm l-ebda elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli, bħal pereżempju l-pannelli tax-xemx.

Fi stqarrija, l-Enemalta qalet li Il-ġimgħa li għaddiet, hekk kif beda jitbassar it-temp kieseħ, Enemalta plc ħadet għadd ta’ miżuri biex tiżgura li l-infrastruttura tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u s-sistema tad-distribuzzjoni jkunu mħejjija għaż-żieda fid-domanda. Hekk kif il-konsum żdied, il-Kumpanija lestiet ukoll għal żieda fit-talbiet għall-għajnuna mill-klijenti li jsofru minn xi qtugħ fil-provvista, bħal ħsarat bl-irjiħat u l-maltemp, overloading u diffikultajiet tekniċi individwali jew tas-sistema oħrajn.

More in Socjali