L-Awtorità għat-Turiżmu tiċċaqlaq lejn Smart City

Wara 15-il sena fil-Belt Valletta, l-Awtorità se tkun qed iċċedi postha għall-Mużew tal-Arti, il-MUŻA

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ċaqalqet l-uffiċċji tagħha mill-Belt Valletta, għal Smart City.

Wara 15-il sena fil-kapitali, l-Awtorità se tiċċaqlaq lejn il-Kalkara. Fl-2002, l-Awtorità kienet sabet postha fil-berġa tal-Italja fi Triq il-Merkanti wara li għal xi żmien kienet taqsam il-post tagħha mal-Ministeru għat-Turiżmu.

Minkejja dan, fl-2011 ġie deċiż li l-Berġa tal-Italja kellha ssir id-dar il-ġdida tal-Mużew tal-Arti li kien jinsab fi Triq in-Nofsinhar. Dan il-proġett, imsejjaħ ukoll bħala MUŻA, se jkun qed jagħmel parti mill-festeġġjamenti li jikkommemora lill-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali tal-Kultura fl-2018. Dan il-mużew, għaldaqstant mistenni jiftaħ matul is-sena d-dieħla.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Paul Bugeja qal li din hija fażi ġdida għall-Awtorità u jinsab konvint li l-faċilitajiet il-ġodda se jkunu qed jgħinu sabiex jitjiebu s-servizzi offruti. Bugeja sostna wkoll li l-Awtorità, bħalissa tinsab għaddejja bi proċess sabiex jibdew jiġu offruti iktar servizzi tal-Awtorità online, biex tkun iktar faċli għall-pubbliku jagħmlu użu mis-servizzi offruti mill-Awtorità.

More in Socjali