Għall-ewwel darba f’Malta, l-2016 kienet sena li ż-żwiġijiet biċ-ċivil kienu aktar minn dawk bil-knisja, b’total ta’ 1,452 żwieġ biċ-ċivil, imqabbla ma’ 1,257 bil-knisja.
Infatti minn statistika li tpoġġiet fuq il-mejda tal-kamra, mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, bi tweġiba għal mistoqsija Parlamentari mressqa lejh, irriżulta li sa mill-2010 ’l hawn, b’mod proporzjonat iż-żwiġijiet bil-knisja bdew jonqsu bl-istess mod kif dak biċ-ċivil bdew jiżdiedu. Dan sakemm fl-2016, iż-żewġ ċifri qabżu lil xulxin. Jekk din il-bidla proporzjonata bejn iż-żewġ tipi ta’ żwiġijiet tkompli sejra kif inhi, tul is-snin li ġejjin, pajjiżna se jara żieda ferm ikbar ta’ koppji li jagħżlu li jiżżewġu biċ-ċivil flok bil-knisja.
F’Għawdex, iż-żwieġ bil-knisja għadu prevalenti fuq dak biċ-ċivil. Is-sena li għaddiet kien hemm 135 żwieġ bil-knisja, b’kuntrast ma’ 72 biċ-ċivil. Minkejja dan, avolja fuq skala iżgħar u aktar bil-mod minn Malta, ix-xejra hija simili, fejn iż-żwiġijiet bil-knisja qed jonqsu u dawk biċ-ċivil jiżdiedu. B’din ir-rata, fi ftit snin anke f’Għawdex, iż-żewġ ċifri jiltaqgħu u jkun aktar żwiġijiet biċ-ċivil milli bil-knisja.
Fost ir-raġunijiet li wasslu għal din iż-żieda fiż-żwiġijiet biċ-ċivil, jista’ jkun il-fatt li llum, il-pajjiż qed jara żieda fil-koppji li jħaddnu reliġjonijiet differenti u għaldaqstant b’kompromess jiżżewġu biċ-ċivil minflok f’waħda miż-żewġ reliġjonijiet differenti tagħhom. Raġuni oħra għal ħafna koppji ġodda hija li minkejja li t-tnejn li huma jkunu kattoliċi, il-knisja ma taċċettax ix-xewqa tagħhom li jiċċelebraw żwieġ fl-apert, f’post li mhuwiex ġewwa knisja. Għal dawn il-koppji li ma jkunux iridu jiċċaħdu minn din l-esperjenza qisha ħierġa minn xi film li jiżżewġu fuq xi ramla, jew fil-miftuħ fis-sala tat-tieġ stess, l-unika għażla tkun li jiżżewġu biċ-ċivil. Għal oħrajn, in-nuqqas ta’ interess li jattendu għall-kors obbligatorju ta’ Kana sabiex jiżżewġu, iwassalhom ukoll biex jagħżlu li jiżżewġu biċ-ċivil biss.