Il-Kamra tal-Periti tappella biex jieqaf it-twaqqigħ tal-power station tal-Marsa

Tinsisti li partijiet mill-power station għandhom 'kwalità arkitettonika sinifikanti', għall-wirt industrijali ta' pajjiżna

Il-power station tal-Marsa
Il-power station tal-Marsa

Il-Kamra tal-Periti tħeġġeġ lill-Gvern u lill-Enemalta biex iwaqqfu it-twaqqiegħ ta’ dawk il-partijiet tal-Power Station tal-Marsa li huma kkunsidrati li għadhom kwalità arkitettonika sinifikanti, u li jiffurmaw parti importanti mill-wirt industrijali ta’ pajjiżna.

Il-Kamra tal-Periti qalet kif tikkunsidra s-sit tal-Power Station fil-Marsa bħala kruċjali għas-suċċess tar-riġenerazzjoni tal-Marsa. Iżżid tgħid li, "sal-lum ma hemmx pjan ċar għal dak li ser isir mis-sit ladarba dan il-bini jkun twaqqa’," dan waqt li kompliet tgħid li s-sit għad għandu l-opportunità biex l-istrutturi eżistenti tiegħu jiġu integrati fi kwalunkwe żvilupp li jista' jkun hemm f'dan is-sit.

Wieħed irid jirrikonoxxi l-valur arkitettoniku, industrijali u kulturali tal-bini nnifsu, u ma hemm l-ebda raġuni għaliex dan ma jistax jiġi ppreżervat u utiliżżat biex iservi ta’ xprun għar-riġenerazzjoni taż-żona tal-madwar

Il-Kamra tal-Periti tagħmel riferenza għall-istudji li saru mill-istudenti ta’ l-aħħar sena tal-Fakultà tal-Ambjent Mibni fl-2016, fejn esploraw diversi alternattivi għar-riġenerazzjoni tal-Marsa, inkluż is-sit tal-Power Station. Il-Fakultà hi ta l-opinjoni li filwaqt li t-twaqqigħ tal-Power Station ifisser li jkun hemm medda ta’ art li tkun tista’ takkomoda diversi użi, kemm kummerċjali u kemm ta’ natura ċivika, wieħed irid jirrikonoxxi l-valur arkitettoniku, industrijali u kulturali tal-bini nnifsu, u ma hemm l-ebda raġuni għaliex dan ma jistax jiġi ppreżervat u utiliżżat biex iservi ta’ xprun għar-riġenerazzjoni taż-żona tal-madwar. Din hi opinjoni li l-Kamra tal-Periti taqbel magħha b’mod sħiħ.

Fost l-għażliet li offriet il-Kamra tal-Periti bħala soluzzjonijiet għal dan is-sit, kien hemm numru ta' Teatri b'funzjonijiet differenti, kampus tal-Università, ċentru ta' rilassament jew saħansitra ċentru għall-arti moderna. Il-Kamra tal-Periti qalet ukoll li hi disposta li tassisti lill-Gvern biex tiġi organiżżata kompetizzjoni għall-idejat, li jkollha l-għan li tiġi rriġinerata l-Marsa.

More in Socjali