Daqshekk burokrazija u kjuijiet għal trasferiment tas-sid ta' karozza...

Sistema online ġdida se tiffaċilita t-trasferiment bejn sid u ieħor flok ħafna ġiri u kjuijiet minn post għall-ieħor

Transport Malta b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Assigurazzjoni f’Malta, qed tintroduċi sistema  online biex it-trasferiment minn sid għall-ieħor ta’ karozza jsir b’mod aktar effiċjenti u konvenjenti. 

Minn għada 11 t’April 2017, l-aġenti u brokers tal-assigurazzjoni li huma awtorizzati, jistgħu jiproċessaw online trasferiment ta’ sid tal-karozza mingħajr il-bżonn li wieħed imur l-uffiċċji ta’ Transport Malta biex jingħata dan is-servizz.

Il-ftehim tal-lum jimmarka pass importanti biex titnaqqas il-burokrazija.  Numru ta’ klijenti mhux se jibqgħu jistennew fi kjuijiet differenti iżda se jinqdew minn post wieħed.  Ic-Chairman u CEO ta’ Transport Malta, Is-Sur James Piscopo, qal li l-etransfers huma biss wieħed mill-ewwel passi;  Transport Malta embarkat fuq proċess biex tagħmel iktar mis-servizzi tagħha disponibbli online, biex isservi l-klijenti aħjar, iktar malajr u b’mod iktar affidabbli.  

Għal din is-sistema, min qed ibiegħ, jixtri u xhud għandhom jiffirmaw fuq wara taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-karozza.  Dan iċ-ċertifikat flimkien ma’ kopja tal-Karta tal-Identita’ ta’ kull wieħed minn dawn, għandhom jiġu ppreżentati lill-aġent jew broker tal-assigurazzjoni biex tinħareġ polza ġdida tal-assigurazzjoni f’isem is-sid il-ġdid tal-karozza.  Is-sistema turi l-ispejjeż relatati fosthom ħlas dovut tal-liċenzja, tariffi amministrattivi, penali, CVA, kontravenzjonijiet u spejjeż oħra relatati mat-trasferiment.  L-ispejjeż jitħallsu qabel isir il-proċess u malli dan ikun lest, l-assigurazzjoni toħroġ iċ-ċertifikat il-ġdid f’isem ix-xerrej.

Għal bidu din is-sistema ser tiproċessa trasferimenti sempliċi  imma trasferimenti fejn motor car dealer huwa x-xerrej jew il-bejjiegħ jista’ jsir ukoll.  Trasferimenti fejn hemm bżonn tibdil fil-pjanċi tar-reġistrazzjoni, pjanċi personalizzati, trasferimenti b’wirt jew trasferimenti ta’ karozzi li għandhom xi tip ta’ restrizzjoni, ser jibqgħu isiru fl-uffiċċji ta’ Transport Malta.

Aktar 'l quddiem, dawn it-tip ta’ trasferimenti ser jidħlu wkoll fis-sistema online, gradwalement:

  • Chauffeur Driven, Leased or vehicles on Hire  (**K ***) (*GY ***) (*PY ***) (*LY ***)
  • Taxi Vehicles (TAXI M) (TAXI G)
  • Buses (BUS***)
  • Mini Vans, Coaches, Open Top Buses (*VY ***) ( *CY ***) ( *OY ***) (*SY ***)

More in Socjali