Il-Periti jaraw il-power station bħala monument...iżda għall-Marsin hija weġgħa kbira

Il-Periti jridu jwaqqfu t-twaqqiegħ tal-power station... iżda r-residenti tal-Marsa jaħsbuha b'mod differenti!

Il-power station tal-Marsa
Il-power station tal-Marsa

Ilbieraħ, fuq dan is-sit tela' rapport dwar dwar appell li sar miil-Kamra tal-Periti, sabiex jieqaf it-twaqqigħ tal-power station tal-Marsa, hekk kiif insistiet li partijiet mill-power station għandhom 'kwalità arkitettonika sinifikanti', għall-wirt industrijali ta' pajjiżna.

Dalgħodu l-ILLUM irċeviet ittra mingħand Josef Azzopardi, Viċi Sindku tal-Marsa, b'risposta lill-Kamra tal-Periti dwar il-proposti tagħhom għall-power startion tal-Marsa. Azzopardi saħaq li kiteb l-ittra bħala bniedem li jħobb il-lokal tiegħu tal-Marsa u mhux f'pożizzjoni ta' Viċi Sindku.

Fl-ittra tiegħu, Azzopardi kiteb li nħasad meta qara li dwar it-talba biex il-Gvern iwaqqaf t-twaqqiegħ tal-Power Station. "Ma nafx kemm minnkom qatt għexu l-Marsa? Ma nafx kemm minnkom inżiltu fit-toroq tistaqsu lin-nies tal-lokal, x’jixtiequ minflok il-powerstation?" staqsa Azzopardi.

Azzopardi sostna li l-istudji li saru mill-istudenti huma interessanti, però meta saret l-preżentazzjoni fil-powerstation u huwa kien hemm jitkellem dwar l-istorja tal-Għolja tal-Ġiżwiti, u staqsa b’mod ġenerali dwar ma’ min tkellimu dwar il-proġett Marsa 2050, "Tkellimtu mar-residenti?" reġa' sostna Azzopardi.

Azzopardi qal li kiteb l-ittra tiegħu bħala individwu li jħobb il-Marsa, li fiha trabba.

Għal min forsi mhux mitħla mal-Istorja tal-Marsa u qatt ma ħares lejha b'ebda mod aktar mill-post fejn hemm il-powerstation, Azzopardi qasam ftit informazzjoni storika dwar il-lokalità.

"L-għolja tal-Ġiżwiti għal bosta m’għandhiex sinifikat, imma għalija li jien Marsi u nħobb l-istorja hemm hekk nara l-post li welled il-Marsa. Kien madwar din l-għolja li ġew jgħixu l-Feniċi u ħallew diversi mħażen fil-madwar, u l-istess għamlu r-Rumani. Kien fiż-żmien Puniku li din l-għolja serviet bħala ‘necropolis’ jew aħjar post b’ċimiterju taħt l-art. Art li kienet dejjem abitata minn nies diversi. Fiż-żmien l-imblokk tal-Franċiżi, l-Maltin attakkaw lill-Franċiżi maqfulin fil-Belt Valletta, l-Floriana u fit-tliet ibliet billi kellhom żewġ batteriji waħda fuq u l-oħra taħt l-Għolja tal-Ġiżwiti. Bil-proġett ta’ Portu Novu, l-kappella ta’ Ċejlu u l-inħawi tal-madwar ġibdu nies lejn din l-art tal-Marsa. Fit-tieni gwerra dinjija serviet ukoll bħala batterija kontra l-ajruplani tal-għadu, batterija f’post strateġiku li iġib l-port taħtek. Dan kollu juri l-importanza ta’ din iż-żona."

Azzopardi, f'isem ir-residenti tal-Marsa esprima l-weġgħa li ta’ kuljum ir-residenti kienu jaraw dak id-duħħan iswed jeqred l-arja u l-ħajjiet tan-nies tal-lokal. Lill-Kamra tal-Periti, Azzopardi xtaq jgħid li "Dak li għalikom huwa monument, għalija hija ġerħa. Il-Marsa tat tant għall-Malta! Mill-powerstation tal-Marsa, Malta kollha kienet tixgħel u minħabba dan is-servizz, il-lokal tagħna patta prezz qares. Kif rajt iċ-ċmieni tal-powerstation niżlin emmint li issa wasal iż-żmien li issir ġustizzja mal-lokal tagħna. Wasal iż-żmien li Malta trodd ftit lura mill-ħafna li ħadet mill-Marsa."

Fl-opinjoni tiegħu, Azzopardi qal li bħalma dik in-naħa welldet il-Marsa, issa wasal iż-żmien li l-Marsa titwieled mill-ġdid fl-istess post. Huwa jemmen li hemm bżonn ta’ żoni miftuħa u mhux aktar ġungla ta’ konkrit. Jemmen li hemm bżonn pulmun ambjentali fil-port u l-Marsa tista’ tkun dan.

"Il-post li kien jeqred lin-nies bid-dħaħen, għandu jkun il-post li jagħti nifs lill-inħawi tal-madwar. Kollox għandu jsir b’bilanċ," tenna Azzopardi, "Dawk l-inħawi jistgħu ikunu estensjoni tal-‘Valletta’ Waterfront, li tajjeb li wieħed ifakkar li meta kien abbandunat, il-‘waterfront’, kulħadd Marsa kien isejjaħlu, imbagħad meta ġie irranġat sar Valletta."

Personalment, Azzopardi kiteb li huwa jemmen li l-Marsa għandu jkun post fejn l-ambjent u d-divertiment limitat jkunu l-qofol tal-inħawi. Il-baħar għandu jitnaddaf u jkun lok tajjeb u kenni għall-yatch marina.

"Hemm bżonn pjan ħolistiku, li fil-qofol tiegħu ikun hemm ix-xewqat tan-nies tal-Marsa.  Inżlu fid-djar tan-nies, tkellmu magħhom, araw x’verament jridu n-nies tal-lokal, u imbagħad għeżież periti marru appellaw lill-Gvern biex jħaffef iżarma l-powerstation ħalli jasal proġett li jistħoqq lill-Marsin. U għidu lill-Gvern biex illum qabel għada ivara proġett fl-interess tal-komunità Marsija," temm l-appell tiegħu Josef Azzopardi.

More in Socjali