
Illum lura fuq il-bankijiet tal-iskola
L-ILLUM tkellmet mal-Kap tal-Iskola ta’ middle school fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu

minn Liam Carter

Illum, l-istudenti u l-għalliema fil-livell tal-primarja u sekondarja jirritornaw fuq il-bankijiet u fil-klassijiet tal-iskola. Ġurnata li ċertament se tqanqal sensazzjonijet u ħsibijiet differenti għall-istudenti u l-għalliema li għal dawn l-aħħar xhur kellhom il-lok li jirrilassaw u jgawdu s-sajf.

F’dawl ta’ din il-ġurnata annwali, l-ILLUM iltaqgħet u tkellmet mas-Sa Pisani Grixti, il-Kap tal-iskola Medja fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu. Mal-ILLUM, Pisani Grixti spjegat il-format tal-Iskola Medja, il-benefiċċcji ta’ din is-sistema, kif ukoll il-bosta sfidi li jaffaċċjaw l-edukaturi u l-istudenti.
Fi snin li għaddew, il-gvern poġġa fis-seħħ bosta riformi fl-iskejjel tiegħu fosthom, it-twaqqif tal-kunċett ta’ ‘middle school’, u ‘senior school’, filwaqt li s-segregazzjoni ta’ studenti wara l-primarja, li qabel kienu jinqasmu skont is-sess twaqqfet, hekk kif issa fil-klassijiet tal-iskejjel tal-gvern kemm fil-livell primarju kif ukoll f’dak sekondarju ssib kemm subien kif ukoll tfajliet.
'Problemi ta’ mġiba fil-klassijiet minn studenti li ma jikkonformawx mas-sistema tal-iskola, hi sfida oħra kbira li bosta għalliema jħabbtu rashom magħha tul is-sena skolastika.'
“Il-kunċett ta’ middle school ‘co-ed’ qiegħed fir-raba’ sena tiegħu,” qaltilna Pisani Grixti.
Il-kap tal-iskola spjegat kif bl-implimentazzjoni ta’ middle school u senior school, l-istudenti li qabel kienu jifformaw parti mis-sena tal-Form 1 u Form 2 issa qegħdin jissejħu s-Seba’ u t-Tmien sena, u għalhekk qegħdin jattendu l-middle school filwaqt li dawk l-istudenti mil-Form 3 sal-Form 5 jew inkella mid-disa’ sena sal-ħdax-il sena qegħdin jattendu s-senior school.
'L-esperjenzi tal-studenti tal-primarja huma pjuttost differenti minn dawk ta’ 16-il sena u b’ dak kollu jgħaddu minnu.'
Pisani Grixti sostniet li s-segregazzjoni tal-istudenti skont l-età tagħhom qiegħda tkun ta’ benefiċċju. “L-esperjenzi tal-studenti tal-primarja huma pjuttost differenti minn dawk ta’ 16-il sena u b’ dak kollu jgħaddu minnu. Għalhekk bl-implimentazzjoni tal-‘middle school’, it-tranżizzjoni tkun iktar faċli u għalhekk naħseb li din is-sistema hi vantaġġjuża.”
L-illum staqsiet lil Pisani Grixti dwar il-bosta sfidi li l-għalliema jkunu qed jaffaċċjaw tul is-sena skolastika. “Li jirnexxilek tkopri s-sillabu kollu, hi sfida kontinwa għall-għalliema. Dan għaliex sikwit, attivitajiet extra-kurrikulari u anke kurrikulari ġieli jtellfu l-lezzjonijiet tal-ġurnata. Għalkemm dawn huma importanti wkoll, il-lezzjonijiet mitlufa jkunu jridu jiġu koperti f’xi ħin ieħor,” saħqet il-Kap tal-iskola.
Hi kompliet tgħidilna, li problemi ta’ mġiba fil-klassijiet minn studenti li ma jikkonformawx mas-sistema tal-iskola, hi sfida oħra kbira li bosta għalliema jħabbtu wiċċhom magħha tul is-sena skolastika.
Għaldaqstant, Pisani Grixti qaltilna li mhux biss l-għalliema jaffaċċjaw sfidi fil-bidu u matul is-sena skolastika, hekk kif bosta studenti b'mod speċjali dawk li jkunu qegħdin jagħmlu t-transizzjoni mill-primarja għas-sekondarja ta’ spiss iħossuhom intimidati bis-sistema, bis-suġġetti u l-ambjent ġdid tal-iskola sekondarja ġdida tagħhom.

