Bejn ix-xewqat tat-tfal u l-bżonnijiet tal-ġenituri... linji gwida dwar l-adozzjoni
L-ILLUM tħares lejn il-proposti mħabbrin mill-Ministru Falzon dwar l-adozzjoni.
minn Liam Carter
Fi snin li għaddew ġewwa pajjiżna il-gvern poġġa fis-seħħ bosta miżuri li taw spinta lil dawk il-ġenituri li sfortunatament ma setgħux igawdu mir-rigal tal-ħajja b’mod naturali, hekk kif b’bosta miżuri bħall-IVF, il-problemi bioloġiċi sfaw megħluba.
Għaldaqstant, sikwit ninsew li ġol-istutiti lokali u dawk ta’ barra nsibu għexiren ta’ tfal li sfortunatament ma għandhomx il-privileġġ ta’ omm u ta’ missier.
Tul is-sena 2016, f’Malta ġew adottati biss tlett itfal Maltin minn koppji jew individwi filwaqt li fl-istess sena, koppji jew individwi Maltin addotaw mas-sitt itfal minn pajjiżi barranin fosthom L-Indja, lis- Slovakja, l-Albanija,u r-Russja.
Dan skont tweġiba tal-eks Ministru għall-Familja u Solidarjetà Socjali Michael Farrugia għad-domanda parlamentari tal-eks deputata Paula Mifsud Bonnici.
Il-ġimgha l-oħra l-Minsitru Michael Falzon ħabbar konsultazzjoni pubblika relatata ma’ implimentazzjoni ta’ standards nazzjonali għall-proċess tal-adozzjoni tat-tfal.
Dawn l-istandards se jkunu qegħdin jintużaw ukoll bħala linja gwida lill-istess persuni li ser jagħmlu użu minn dan is-servizz. L-istandards isegwu diversi prinċipji fundamentali. Fost dawn il-prinċipji hemm id-dinjità, il-privatezza, id-dritt tal-għażla, is-sigurtà, ġustizzja, individwalità u d-diversità.
Apparti minn dan il-Ministru ħabbar li l-gvern se jkun qiegħed jgħin lill-koppji li jixtiequ jadottaw tarbija b’għajnuna diretta sa massimu ta’ €10,000 filwaqt li jingħata ‘rebate’ tal-ispejjeż li l-koppja tagħmel sabiex tivvjaġġa.
Mhux la kemm taqbad u tadotta
It-tfal jirċievu għajnuna biex jifhmu x’qiegħed jiġri matul il-proċess tal-adozzjoni kollu u jkunu jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom u jitkellmu dwar dak li jkunu qegħdin iħossu fi kwalunkwe stadju tal-proċess.
Il-familja adottiva tintgħażel biss wara li tkun għamlet it-taħriġ u l-valutazzjoni meħtieġa, u tkun għaddiet minn evalwazzjoni sħiħa, u bir-reqqa, ta’ kemm hija addattata sabiex tieħu ħsieb u tippromwovi l-interessi partikolari tat-tfal li ser tieħu ħsieb.
L-Aġenzija tassigura li l-adozzjoni hija l-aħjar għażla għat-tfal billi wieħed jadotta sistema metikoluża u ladarba tittieħed id-deċiżjoni, il-proċess tal-adozzjoni jitqiegħed fil-prattika b’mod li jassigura l-aħjar interess tat-tfal, u bl-inqas dewmien possibbli, skont il-proċeduri legali u l-Istandards Nazzjonali tat-Trobbija tat-Tfal d-Djar Residenzjali, il-Foster Care u l-Adozzjoni.
Kultura, twemmin u sfond etniku; importanti waqt l-għażla
L-Opinjoni tat-tfal tiġi kkunsidrata għall-proċess tat-tqabbil tagħhom ma’ familja adottiva.
L-Aġenzija taċċerta li l-familja adottiva li tintgħażel għat-tfal tirrifletti kemm jista’ jkun l-isfond etniku, kulturali, u t-twemmin tagħhom. Affarijiet oħra ta’ importanza li jiġu kkunsidrati fir-rigward tal-familja adottiva, jinkludu: fejn toqgħod, il-kompożizzjoni tal-familja adottiva, l-istil tal-ħajja, il-mezzi finanzjarji, u l-kwalitajiet tal-persuni li se jadottawhom.
It-Tranżizzjoni u l-‘Placement’ ta’ qabel l-Adozzjoni tat-Tfal, l-Familja Adottiva, ikunu ppjanati sewwa, u jsiru malajr kemm jista’ jkun, u bil-pass li jikkunsidra l-età u l-ħtiġijiet tat-tfal.
Il-poter f’idejn it-tfal
L-Aġenzija tgħin lit-tfal adottati jżommu kuntatt ma’ persuni li kienu importanti għalihom fil-passat, jekk dan huwa fl-aħjar interess tagħhom.
It-tfal jekk jitolbu se jkollhom id-dritt li jkunu inkluż fir-reġistru illi permezz tiegħu juru li ma jixtiqux jiltaqgħu ma’ persuni mill-familja bijoloġika tagħhom f’xi punt fil-ħajja jistgħu wwkoll, dejjem fuq ix-xewqa tagħhom jgħidu li ma jixtiqux ebda tip ta’ kuntatt mal-missier u l-omm bijoloġiċa tagħhom.
Kull persuna adottata jista’ jkollha aċċess għar-rekords tal-adozzjoni tal-aġenzija, li jinkludu informazzjoni dwar il-familja bijoloġika. F’każ li l-persuna/i tkun/jkunu għadhom minuri, il-kunsens tal- familja adottiva tagħhom huwa neċessarju.
Il-ġbir tal-informazzjoni
Il-ġenituri bijoloġiċi għandhom aċċess għall-informazzjoni u r-rekords rilevanti kollha li jagħmlu parti mill-proċess tal-adozzjoni li jikkonċerna biss lilhom u lit-tfal tagħhom qabel ma ssir l-adozzjoni; u jistgħu jagħżlu li jkunu involuti fil-ġbir tal- informazzjoni għat-tifel jew tifla tagħhom.
L-Aġenzija tinforma lill-familja bijoloġika dwar jekk tixtieqx tħalli xi nota partikolari fil-‘file’, speċjalment dwar jekk jixtiqux li jiġu kkuntatjati fil-futur.
Il-ġenituri bijoloġiċi għandhom ikunu jafu li l-aġenzija tista’ ssaqsi lill-membri oħra tal-familja għall-informazzjoni, kemm qabel l-adozzjoni u kemm wara, sabiex tali informazzjoni tibqa’ aġġornata.
Għajnuna kontinwa wara l-adozzjoni
L-Aġenzija Akkreditata tinforma lill-applikanti prospettivi dwar is-servizzi ta’ adozzjoni li toffri u l-proċess involut fl-adozzjoni tat-tfal. L-Aġenzija tagħti risposta malajr u fid-dettall, meta applikanti prospettivi jistaqsu dwar l-adozzjoni.
Il-ġenituri adottivi prospettivi ser ikunu kkonsultati u megħjuna bis-sħiħ, fil-proċess tat-tranżizzjoni tat-tfal fil-familja adottiva. It-tranżizzjoni tkun ippjanata sew, u titlesta b’pass li jikkunsidra l-età u l-ħtiġijiet tat-tfal, mingħajr ebda dewmien żejjed.
L-adozzjoni tat-tfal minn pajjiz ieħor
L-Aġenzija lokali tgħaddilhom l-informazzjoni b’mod sħiħ u korrett lill-ġenituri adottivi prospettivi għal kwalunkwe talba għall-introduzzjoni/tranżizzjoni ta’ tfal minn pajjiż ieħor.
Jekk l-aġenzija ma toffrix servizz ta’ kuntatt ma’ pajjiż partikolari minn fejn huma jixtiequ jadottaw, din għandha tgħaddi informazzjoni dwar aġenziji oħrajn.