Xejn inqas minn 90,000 persuna Maltija tinsab f’riskju ta’ faqar. Għalkemm dan in-numru jirrapreżenta l-istess persentaġġ ta’ nies li jaqgħu f’din il-kategorija mill-2008, fil-fatt dan jimmarka wkoll żieda ta’ 10,000 persuna fl-aħħar tmien snin li issa qed jaqgħu f’din il-faxxa.
Dawn id-90,000 persuna jinqasmu fi tliet kategoriji partikolari, jiġifieri dawk li jinsabu fuq xi forma ta’ benefiċċju soċjali li jinkludi wkoll il-pensjoni u għajnuna soċjali lil dawk b’diżabilità, dawk li huma neqsin b’mod sever minn dħul diċenti u allura jridu joqogħdu lura minn affarijiet bażiċi bħall-ikel u dawk li jgħixu f’familji fejn persuna waħda taħdem bi qligħ baxx jew ħadd ma jaħdem.
Minn dawn 16.5% jinsabu f’riskju ta’ faqar anke wara li jirċievu xi forma ta’ benefiċċju, 4.4% qed jgħixu f’sitwazzjoni ta’ faqar assolut filwaqt li 7.3% jgħixu f’residenza fejn persuna waħda taħdem bi qligħ baxx jew ħadd ma jaħdem.
Dawn iċ-ċifri joħorġu minn statistika tal-Eurostat li turi wkoll kif fuq livell Ewropew il-faqar, statistikament, qed jonqos, għalkemm għadu jmiss miljuni kbar ta’ nies.
Fil-fatt minkejja tnaqqis ta’ 1.6% fl-2016 meta kkumparat mal-2012, l-Ewropa għadha qed tiffaċċja 117.5 miljun persuna li qed tgħix fil-faqar jew fir-riskju tiegħu.
Minkejja li Malta għandha 20% tal-poplu li huwa f’riskju ta’ faqar il-persentaġġi huma ħafna ogħla f’ċerti pajjiżi oħrajn speċjalment dawk Mediterranji illi għaddew minn kriżijiet finanzjarji. L-agħar tibqa’ l-Greċja b’persentaġġ ta’ 35.6% li jinsabu fir-riskju ta’ faqar, li fissret żieda ta’ aktar minn 7% fi tmien snin.
Pajjiżi oħrajn bi problema kbira ta’ faqar huma Spanja (27.9%), l-Italja (28.7%) u ankie l-gżira ta’ Ċipru (27.7%).
Barra miż-żona tal-Mediterran is-sitwazzjoni tal-faqar tiggrava fl-Ewropa tal-Lvant, bil-faqar jew nies f’riskju ta’ faqar jitla’ għal 40%, Latvia bi 28.5%, Litwanja b’30% u r-Rumanija b’38.8%.
Intant skont l-istess statistika l-Bulgarija, Spanja u l-Litwanja huma l-aktar pajjiżi illi fihom hemm nies li jiddependu minn xi benefiċċju jew pensjoni biex ikollhom dħul.
Il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Greċja huma l-aktar pajjiżi illi fihom hemm nies li jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ faqar sever u l-Irlanda, il-Greċja u Spanja huma l-pajjiżi li fihom hemm l-aktar persuni li ma jgħixu f’residenzi fejn ħadd ma jaħdem jew taħdem persuna waħda biss bi dħul baxx.
Skont l-istess statistika d-dħul medjan ta’ persuna waħdeha f’Malta li taqa’ f’din il-kategorija huwa ta’ €8,143 filwaqt li għal koppja b’żewġt itfal id-dħul medjan huwa ta’ €17,101.
Intant mal-programm Sebat Ijiem, li jixxandar il-Ħadd filgħaxija fuq TVM2, l-attivist kontra l-faqar u membru tal-Alleanza Kontra l-faqar Joseph Bartolo kien sostna li l-agħar li qed jintlaqtu huma dawk li jew jinsabu fuq il-pensjoni jew inkella li qed jikru. Bartolo kien saħansitra qal li huma ħafna dawk li jibqgħu għaddejjin għax jagħmlu x-xirja tagħhom bid-dejn u jieklu għaġin kuljum.