16 minn kull 100 għandhom l-influwenza

Persuni bl-influwenza m'għandhomx imorru għax-xogħol filwaqt li tfal morda għandhom jibqgħu d-dar 

16 minn kull 100 persuna li qed tmur għand it-tabib qed tbati mill-influwenza, dan hekk kif Malta, bħal fil-kumplament tal-Ewropa, qed tesperjenza żieda fir-rata tal-influwenza.

Il-Ministeru għas-Saħħa fi stqarrija qed jirrakkomanda numru ta’ miżuri li għandhom jittieħdu għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-influwenza.

L-aktar li jinsabu f’riskju ta’ kumplikazzjonijiet minħabba l-influwenza huma t-tfal, l-anzjani, persuni b’mard kroniku, ażma, mard respiratorju, b’mard kardijaku, bl-HIV, li għandhom id-dijabeté u n-nisa li qed jistennew tarbija.

Persuna tista’ tgħaddi l-virus tal-influwenza lil persuna oħra matul l-ewwel ħamest ijiem minn meta jibdew jidhru s-sintomi.

Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard għalhekk qed jirrakkomanda li persuna għandha tieħu t-tilqima, taħsel regolarment idejha u ma tgħatti l-ħalq u l-imnieħer meta tagħtas jew tisgħol filwaqt li tevita li tmiss l-għajnejn, il-ħalq u l-imnieħer.

Persuna marida jew mis-sintomi tal-influwenza m’għandhix tmur għax-xogħol u lanqas iżżur qraba jew ħbieb li jkunu l-isptar.

Tfal li jkollhom is-sintomi tal-influwenza m’għandhomx jintbagħtu l-iskola u minflok għandhom joqogħdu d-dar għall-mistrieħ.

Persuni morda bl-influwenza għandhom inaqqsu l-kuntatt ma’ persuni oħra.

Għandhom jiġu diżinfettati regolament oġġetti bħall-‘keyboards’ tal-kompjuter, telefowns u pumijiet tal-bibien.

Id-Direttorat jispjega wkoll li l-antibijotiċi m’humiex rakkomandati kontra l-influwenza.

More in Socjali