Il-mara: Forza ta’ bidliet f’kull qasam tal-ħajja
Mill-mużika għall-moda, xjenza u politika, ikel u edukazzjoni, ambjent u drittijiet ċivili... l-ILLUM tagħti ħarsa lejn ftit minn nisa li fil-qasam tagħhom għamlu l-vera differenza
minn Albert Gauci Cunningham
Il-mara. Tagħti l-ħajja, simbolu tal-maternità u ħafna drabi hija wkoll il-persuna li direttament jew indirettament twassal għall-bidliet fid-destin tad-dinja. Din il-ġimgħa d-dinja ċċelebrat Jum il-Mara, il-jum li fih niftakru li l-mara li biddlet il-kors tal-ħajja, tal-familja, tal-komunità jew inkella’ l-kors ta’ pajjiż sħiħ. Il-gazzetta ILLUM qed tiddedika dan l-ispazju biex tonora lil uħud min-nisa ta’ sustanza vera li biddlu d-dinja, permezz tat-twemmin jew id-determinazzjoni tagħhom jew inkella permezz tal-kitba, skoperti jew permezz tal-arti viżiva u mużikali.
Edukazzjoni, fejn għadha tirbaħ l-injoranza
Malala Yousafzai, rebbieħa tal-Premju Nobel u anke tal-Premju Shakarov għall-battalja tagħha favur l-edukazzjoni f’pajjiż fejn il-mara tiswa ftit jekk xejn. Fejn mara bl-għerf hija theddida, mhux unur.
Malala bdiet it-triq tagħha wara li kienet mhedda b’attentat ta’ assasinju fuqha mit-Talibani. It-Taliban, grupp politiku-reliġjuż ta’ estremiżmu Iżlamiku kien saħansitra ħareġ ordni biex Yousafzai tinqatel. Nhar id-9 ta’ Ottubru 2012, raġel prova joqtol lil Malala hekk kif din kienet sejra lura d-dar mill-iskola.
Malala għadha qed titkellem u tikkampanja favur l-importanza tal-edukazzjoni u ppubblikat il-ktieb mill-aktar sabiħ u li kapaċi jispira tant; I am Malala.
‘Who’s that girl...?
‘Like a virgin touched for the very first time...’ U min ma semax b’ Madonna? Kantanta li ddominat is-snin 80 u li baqgħet popolari, rilevanti u mill-aktar segwita sal-lum. Fost is-suċċessi tagħha fit-80jiet, kien hemm ‘Borderline’, ‘Holiday’, ‘Who’s that Girl’, ‘Like a Prayer’ u bosta oħrajn. Iżżewġet lil Sean Penn u ħadet sehem ukoll f’diversi films bħal ‘Who’s that Girl’ (1987) u ‘Dick Tracy’ (1990)
Fis-snin 90 kellha suċċessi bħad-diski ‘Frozen’ u ‘Power of Goodbye’ kif ukoll il-film Evita illi fih tkanta t-tant famuża ‘Don’t cry for me Argentina.’
Insomma, Madonna tibqa’ waħda mill-eroj tal-mużika u waħda mill-aktar nisa sinjuri wkoll, definittivament ispirazzjoni bi kliemha u l-lirika.
Vuċi b’saħħitha u liberali fuq it-TV Amerikan...
Oprah Winfrey hija waħda mill-aktar persuni influwenti fuq il-midja. Hija lagħbet parti mill-aktar importanti fl-irwol tal-ħajja moderna Amerikana u ffurmat ix-xejriet kulturali bil-promozzjoni tagħha ta’ valuri aktar liberali. Winfrey isservi wkoll ta’ ispirazzjoni għal ħafna nisa suwed Amerikani permezz tal-ħeġġa tagħha li tuża s-saħħa fil-midja biex tkisser kull tip ta’ ostaklu soċjali.
Oprah Winfrey twieldet f’Missisippi, imbagħad marret tgħix Baltimore fejn bdiet il-programm ta’ diskussjoni ‘People are Talking’. Iktar tard bdiet tmexxi l-programm tagħha stess ‘The Oprah Winfrey Show’ li dam għaddej għal 25 staġun televiżiv, mill-1986 sal-2011.
Mara li ma tibżax...
Jekk hemm mara li ma tibżax, din hija Aung San Suu Kyi li fl-1945 saret attivista ħarxa kontra d-dittatorjat brutali ta’ U Ne Win, fil-Myanmar. Din il-mara f’pajjiż li lokalment ftit għadna nafu dwaru, tpoġġiet taħt ‘house arrest’ fl-1989 u qattgħet 15-il sena arrestata. Hija rebħet il-Premju Nobel fl-1991.
Hija nħelset mill-arrest fl-2010 u sussegwentement daħlet fil-Parlament f’isem il-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD). Dan il-partit rebaħ l-elezzjoni fl-2016 b’Suu Kyi ssir de facto kap tal-pajjiż fl-irwol ta’ konsulent għall-istat.
Mara li tgħallem illi d-determinazzjoni twasslek fejn ħadd ma jimmaġina li kapaċi tasal.
Il-ħarsien tal-ambjent u d-drittijiet...
Wangari Maathai kienet l-ewwel mara fl-Afrika tal-Lvant u ċentrali li kisbet Ph.D. Hija tibqa’ waħda mill-pijunieri fil-qasam tal-ambjent u l-protezzjoni tiegħu, imma wkoll il-mod kif użat din il-protezzjoni u tħawwil ta’ ħaxix u pjanti biex tqajjem l-għarfien dwar id-demokrazija, id-drittijiet umani u d-drittijiet tan-nisa.
Maathai rebħet ukoll il-Premju Nobel għall-paċi. Din l-eroj għal tant eluf ta’ nisa Afrikani li għal ħajjithom batew il-ġuħ, il-faqar u l-inviżibilità mietet f’Settembru 2011 fil-Kenja.
Il-kuraġġ li tiġġieled l-inġustizzji ‘aċċettati’
Immaġina tidħol fuq tal-linja u trid tpoġġi fuq wara, sempliċiment għax ma tistax titħallat man-nies ta’ quddiem. Għalfejn? Dawk bojod u int iswed. Xhur qabel Rosa Parks għamlet l-istess kien hemm Claudette Colvin. Din telgħet fuq tal-linja u poġġiet fejn bil-liġi suppost ipoġġu l-bojod biss. Telgħu l-Pulizija u niżluha minn fuq il-vettura u arrestawha.
Hija saret waħda minn nies li mexxew kawża fil-każ Browder v. Gayle u li ddeċidiet illi s-sistema ta’ segregazzjoni fuq it-trasport pubbliku kienet tmur kontra l-kostituzzjoni.
Il-pinna li esprimiet it-tama fiż-żmien ta’ terrur
Li tkun Lhudi waqt it-Tieni Gwerra Dinjija kienet fost l-aktar affarijiet perikolużi. Ħadd ma jfakkar u jikkristalizza dan fl-annali tal-istorja aħjar minn Anne Frank. Għal sentejn sħaħ, flimkien mal-familja tagħha, staħbiet fl-istruttura tad-dar stess, biex taħrab mill-opressjoni u l-persekuzzjoni tan-Nażisti kontra l-poplu Lhudi.
Waqt li flimkien mal-familja tagħha Frank kienet tkun qed tistaħba, kienet tikteb djarju li jibqa’ famuż u li se jibqa’ jitfakkar bħala wieħed mill-aktar kotba li qatt inqraw. Il-ktieb jismu ‘Id-djajru ta’ tifla żgħira’ u ġie tradott f’67 lingwa.
“Qed nara dinja li bil-mod qed tkun ittrasformata f’żona salvaġġa, nisma’ r-ragħad ġej u li xi darba se jeqred lilna wkoll. Inħoss it-tbatija ta’ miljuni. Imma meta nħares ’il fuq lejn is-sema, inħoss li kollox se jinbidel għall-aħjar.” Hekk kitbet Frank f’Lulju tal-1944.
Il-mara li tat ħajjitha għall-fqir u l-marid
Is-soru u missjunarja Mother Theresa tibqa’ waħda mill-aktar persunaġġi popolari u maħbubin fid-dinja kattolika u missjunarja. Din il-mara, ċkejkna fid-daqs imma kbira fil-qalb, qattgħet ħajjitha tieħu ħsieb lill-foqra u lill-morda f’pajjiż li kien u għadu jbati minn pjaga kbira ta’ faqar.
Hi twieldet fil-Maċedonja minn ġenituri ta’ dixxendenza Albaniża u wara li kienet tgħallem fl-Indja għal 17-il sena waqqfet ordni li fetħet ċentri għall-għomja, għall-anzjani, għal dawk il-persuni b’diżabbilità u għal dawk kollha li kellhom il-pesta.
Fl-1979 irċeviet il-Premju Nobel għall-Paċi għax-xogħol umanitarju li wettqet. Hija mietet fl-1997, bil-mewt tagħha tkun xi ftit jew wisq moħbija wara l-furur li kienet qajmet il-mewt tal-Prinċipessa Diana ftit qabel. Fl-2015 il-Papa Franġisku rrikonoxxa t-tieni miraklu attribwit għaliha, li wassal biex fl-2016 kienet ġiet kanonizzata.
“Minn demmi jiena Albaniża. Biċ-ċittadinanza Indjana. Bil-fidi, soru kattolika. U l-missjoni tiegħi? Jiena tad-dinja. U qalbi... dik kompletament ta’ Ġesù Kristu,” qalet Mother Theresa f’waħda mill-kwotazzjonijiet popolari tagħha.
Biddlet il-mod kif l-Amerikani jħarsu lejn l-ikel
Lil hinn mill-kontribut politiku, Julia Child. L-isem u l-mara li baqgħet imfakkra għar-riċetti mill-aqwa li kienet tagħmel u li għamlu lilha popolari tant li ftit snin ilu saħansitra ħareġ film dwarha.
Child twieldet fl-1912 u wara li attendiet skola kulinari fi Franza kkollaborat fuq il-ktieb ‘Mastering the Art of French Cooking’ li kien sar wieħed mill-aktar kotba li nbiegħ fl-1961.
Minn hemmhekk bdew id-dehriet tagħha fuq it-televiżjoni bil-programm ‘French Chef’, mifhum li huwa l-produzzjoni li biddlet il-mod kif tant Amerikani kienu jħarsu lejn l-ikel.
Il-mara tal-moda...
Mhux ikel jew politika jew reliġjon. Imma moda. U min iktar jekk mhux Coco Chanel? Din il-mara li isimha jibqa’ sinonimu mal-klassi u l-moda. Fl-1883 twieledet f’Saumur fi Franza. Hija qattgħet it-tfulija tagħha f’orfanatrofju fejn kienet mgħallma kif tħit.
Wara karriera qasira tkanta fetħet l-ewwel ħanut tal-ħwejjeġ fl-1910, biex fis-snin 20 nediet l-ewwel fwieħa. Minn hemmhekk ma ħarsitx lura u ħolqot ix-‘Chanel suit’ u lbiesi suwed b’emfasi partikolari fuq disnji u ħwejjeġ għan-nisa.
Il-mara wara r-radjuattività...
U finalment Marie Curie, il-mara li affaxxinata mix-xogħol ta’ Henri Becquerel, għamlet esperimenti tagħha stess fuq raġġi tal-uranju. Hija skopriet li dawn jibqgħu kostanti minkejja l-kundizzjoni jew il-forma tal-uranju. Hija ħar[et bit-teorija li r-raġġi kienu ġejjin mill-istruttura atomika tal-elementi. Curie tibqa’ mfakkra bħala l-mara li kienet ħarġet bit-teorija ta’ radjuattività.
Hija mietet f’Lulju 1934.
Nota Editorjali: Nixtieq nieħu din l-opportunità bħala Editur ta’ din il-gazzetta biex insellem lil dawk in-nisa kollha li fis-silenzju ta’ djarhom jew fuq il-post tax-xogħol huma eroj għall-familji tagħhom, għal uliedhom u għas-soċjetà. Insellem ukoll b’mod speċjali lil dawk in-nisa li għaddejjin minn diffikultajiet jew abbuż. Jum il-Mara huwa tagħkom ukoll.