'Charles poġġa lilu nnifsu bħala rigal għall-oħrajn'
Dalgħodu Malta tat l-aħħar tislima lil Charles Miceli magħruf għall-ħidma tiegħu mal-fqir u l-batut

minn Yendrick Cioffi

Dalgħodu mijiet ta' persuni ħonqu l-knisja Arċipretali tan-Naxxar biex jagħtu l-aħħar tislima lil Charles Miceli, magħruf l-aktar bħala l-attivist kontra l-faqar u li miet ħabta u sabta nhar il-Ġimgħa.
Spikkat l-omelija tal-Vigarju Episkopali, Monsinjur Charles Cordina, li sellem lil Charles bħala bniedem li poġġa lilu nnifsu bħala rigal għall-oħrajn.
Irrefera għall-aħħar artiklu li kiteb Charles li fih qal kif għalkemm il-ġisem huwa dgħajjef u għajjien l-ispirtu tiegħu għadu jħeġġeġ biex jgħin lil min hu fil-bżonn. "Il-ġisem jispiċċa, iżda l-ispirtu jibqa' ħaj' u kien hawn li appella biex l-ispirtu ta' Charles Miceli jibqa' ħaj f'kull wieħed u waħda minnha.

Tkellem dwar il-karrateristiċi li kienu jiddistingwu lil Charles u anke l-ħidma u l-imħabba li kellu għall-vittmi tad-droga li kien jaħdem magħhom. Qal li Charles saħansitra kien jiċċaħħad minn flixkun birra biex ikun ta' eżempju u mudell għar-residenti ta' San Blas li ma jistgħux jixorbu alkoħol.
"Biex ħabb kellu jbati iżda baqa' jħobb il-batut...kien bniedem li kont tarah f'postijiet fejn hemm il-fqir u l-batut...ħass li ħajtu kienet mal-fqir," saħaq Monsinjur Cordina waqt li fakkar fil-ħidma ta' Charles fil-Caritas, mal-priġunieri vittmi ta' droga, ma' dawk bla saqaf fuq rashom f'Dar Papa Franġisku u fil-kampanja tiegħu dwar il-paga minima nazzjonali u dan l-aħħar dwar il-prezz tal-kera.
"Charles ma kienx biss qoxra minn barra," kompla jgħid Monsinjur Cordina waqt li semma l-imħabba u d-dedikazzjoni li kellu għall-familja, b'mod partikolari għal martu tul il-50 sena li kien ilu jafha u t-42 sena żwieġ.
Mons Cordina temm jikkwota mill-aħħar ktieb li kien qed jaqra Charles Miceli, eżattament fejn kellu l-bookmark u qal li l-aħħar kelmiet li qara minn dak il-ktieb juru fejn kienet qalbu. "Ried ikun ta' assigurazzjoni lill-fqir li Alla jħobbu."
Preżenti għall-funeral kien hemm preżenti l-President tar-Repubblika, Marie-Louise Coleiro Preca, l-Ispeaker, il-Kap tal-Oppożizzjoni u għadd ta' Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Fi tmiem il-quddiesa, l-Arċipriet Dun David Gauci qara messaġġ mibgħut mill-Prim Ministru Joseph Muscat li bħalissa jinsab imsiefer fuq impenji uffiċjali tal-Gvern. Muscat sellem lil Miceli bħala bniedem umli u integru u anke bħala "kritiku persistenti imma rispettuż."
Temm jittama li 'leħnu ma jintefiex un l-ideali tiegħu ma jintesewx.'
Charles Miceli miet nhar il-Ġimgħa. Huwa kellu 68 sena u ħalla jibku lill-uliedu u lil martu Pauline Miceli, li hija wkoll il-Kummissarju tat-Tfal.
Fost affarijiet oħra, Charles Miceli, jibqa’ magħruf bħala wieħed mill-pijunieri u wieħed mill-ewwel vuċijiet dwar il-kwistjoni tal-kirjiet.

Huwa waqqaf il-grupp Alleanza kontra l-Faqar, li vuċi ewlenija u fost l-aktar voċifera favur dawk kollha li qed jgħixu fil-faqar jew fid-deprivazzjoni.
Huwa kien imexxi wkoll il-programm tal-Caritas għall-pruġunieri.
Agħfas hawn biex taqra l-editorjal tal-gazzetta ILLUM li permezz tiegħu sellimna lil Charles Miceli


