Raġel ta’ 31 sena, mill-Gharghur ġie mixli b'attentat ta' qtil wara li fit-18 ta' April spara tiri ta’ arma tan-nar fuq missieru waqt argument tal-familja. Huwa ġie akkużat quddiem il-maġistrat Marseanne Farrugia b'attentat ta’ qtil u b’akkużi oħra relatati ma’ theddid u armi tan-nar.
Meta l-bieraħ, il-missier kien imsejjaħ mill-maġistrat Yana Micallef Stafrace, biex jagħti xhieda tiegħu, il-vittma qal lill-qorti li ma xtaqx jixhed għax hu kien ħafer lill ibnu.
Fid-dawl ta’ hekk, l-Avukati tad-Difiża Franco Debono u Marion Camilleri argumentaw li ma kien hemm l-ebda każ prima facie peress li missier hu l-uniku xhud tal-prosekuzzjoni. Fuq din it-talba il-Maġistrat Micallef Stafrace bidlet il-kundizzjonijiet għall-ħelsin mill-arrest, bil-garanizja personali tar-raġel tinżel minn €30,000 għall €5,000 .
L-ispettur Roderick Spiteri mexxa l-prosekuzzjoni. L-avukat Arthur Azzopardi deher għall-vittma.