Appell biex pazjenti jibqgħu jieħdu l-mediċina valsartan
...dan sakemm ma għandhomx trattament alternattiv

More in Socjali
...dan sakemm ma għandhomx trattament alternattiv
Il-Ministeru għas-Saħħa reġa' appella lil dawk kollha li jieħdu l-mediċina valsartan biex, sakemm ma għandhom trattament alternattiv, jibqgħu jieħdu din il-mediċina għax jekk titwaqqaf jista' jkun hemm konsegwenzi serji ta' saħħa.
Il-valsartan hi mediċina li tintuża biex tiġi kkontrollata l-pressjoni għolja u tintuża wkoll għall-kundizzjoni tal-qalb.
Nhar il-Ġimgħa li għadda, il-Ministeru għas-Saħħa qal li l-awtoritajiet qed isegwu mill-qrib dak kollu li qiegħed jiġri fuq skala internazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam mal-mediċini tal-valsartan milqutin.
Dan wara li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) avżat li "instabet potenzjalment impurità mhux mistennija fl-ingredjent attiv immanifatturat fiċ-Ċina." Dan wassal sabiex xi prodotti li fihom il-valsartan ġew affettwati.
L-Awtoritajiet għas-Saħħa Maltin bdew il-proċess biex jinġiebu f’pajjiżna mediċini tal-valsartan minn kumpaniji oħra, u mhux dawk affettwati bl-impurità.
Il-Ministeru avża lill-pubbliku biex bħala prekawzjoni jirrikorri għand it-tabib u l-ispiżjar tiegħu biex jiggwidawh.