'Inħossni komdu nuża s-servizz tas-sess'
Il-gazzetta ILLUM titkellem ma' Gianluca Cutajar, wieħed miż-żgħażagħ b'diżabilità li qed jimbotta 'l quddiem il-proposta tal-ħaddiema tas-sess
minn Yendrick Cioffi
"Jekk f'Malta jidħol is-servizz ta' sess għall-persuni b'diżabilità jkun ifisser li qed nifhmu t-tbatijiet u l-weġgħat siekta tal-persuni b'diżabilità." Dan kien kliem Gianluca Cutajar, żagħżugħ ta' 25 sena u wieħed mill-persuni b'diżabilità li qed jimbotta 'l quddiem il-proposta li f'Malta jkun hawn ħaddiema tas-sess li joffru s-servizz tagħhom lill-persuni b'diżabilità.
Mal-gazzetta ILLUM, Cutajar qal li wasal iż-żmien li dan il-pajjiż jibda jiddiskuti b'mod serju r-relazzjonijiet, l-intimità u s-sesswalità fil-kuntest tal-persuni b'diżabilità. Fi kliem Cutajar, "il-persuni b'diżabilità huma lkoll bnedmin. Aħna lkoll bnedmin! Għaldaqstant ikollna l-emozzjonijet bħal kull persuna oħra."
in il-proposta kienet issemmiet għall-ewwel darba waqt konferenza li kienet ġiet organizzata mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, f'Ottubru tas-sena li għaddiet, biex tiddiskuti d-diżabilità u s-sesswalità.
Għalkemm minn dak iż-żmien ma kien issemma xejn aktar dwar dan, nhar il-Ħadd li għadda, il-Kummissarju għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, Oliver Scicluna, qal mal-ILLUM li din il-proposta ma ntesietx u filwaqt li ma eskludiex li aktar 'il quddiem din tista' tkun proposta uffiċjali tal-Kummissjoni, qal li wieħed irid ikun kawt u jistudja l-affarijiet sewwa.
'Irridu sistema li tipproteġi lill-persuni kollha involuti'
Minkejja li huwa favur din il-proposta, Gianluca Cutajar li minħabba d-diżabilità tiegħu ma jistax jimxi u jiċċaqlaq kif irid, qal li jeħtieġ ikun hawn diskussjoni kostruttiva biex il-pajjiż jasal għal sistema li jkollha pedamenti sodi u legali u li fuq kollox tipproteġi lill-persuni kollha involuti.
Staqsejna lil Cutajar jekk jaħsibx li din il-proposta tistax tqarreb lejn il-prostituzzjoni, li f'Malta hija illegali u wieġeb li sakemm tkun introdotta sistema soda u legali ma għandux ikun hemm periklu.
'Iva, inħossni komdu nuża dan is-servizz'
Imma jekk dan is-servizz isir legali tħossok komdu tużah? Bla tlaqliq Gianluca Cutajar wieġeb "iva." Insista li, sintendi, jekk ikun f'relazzjoni ma għandux għalfejn jagħmel użu minn dan is-servizz imma ma jara xejn ħażin li sakemm għadu 'single' jkollu x'jaqsam ma' ħaddiema tas-sess.
"Jiena għalkemm persuna b'diżabilità għandi l-emozzjonijiet tiegħi bħal kull persuna oħra," qal Cutajar.
Nhar il-Ħadd li għadda, din il-gazzetta rrappurtat dak li qal Oliver Scicluna, jiġifieri li hawn persuni b'diżabilità li minħabba l-ġibdiet sesswali tagħhom u għax mhumiex jew qatt ma kienu f'relazzjoni, qed jispiċċaw imorru ma' prostituti u saħansitra jlaqqtu mard trasmess sesswalment.
Cutajar tkellem ukoll dwar din ir-realtà u qal li qara ħafna fuq dan is-suġġett u dwar persuni li spiċċaw vittma taċ-ċirkostanzi. Għalhekk reġa' insista li jeħtieġ li jkun hawn sistema serja.
'Mhux faċli imma mhux impossibbli li nkunu f'relazzjoni'
Kien f'dan id-dawl li staqsejna lil Cutajar, mill-esperjenza tiegħu, kemm jaħseb li huwa diffiċli li persuna b'diżabilità tkun f'relazzjoni. "Mhux faċli iżda mhux impossibbli," wieġeb Cutajar.
Qal li l-parir li jagħti kontinwament lilu nnifsu u lil persuni oħra b'diżabilità huwa biex qatt ma jaqtgħu qalbhom, għax fi kliemu l-imħabba u r-rispett jeżistu u l-ebda diżabilità jew persuna ma tista' qatt twaqqafhom. Iżda, għal min qatt ma jkollu x-xorti li jkun f'relazzjoni insista li għandu jkun introdott dan is-servizz. "Aħna lkoll bnedmin," temm jinsisti Gianluca Cutajar.
Imma b'din il-proposta mhux nagħtu l-impressjoni li l-persuni b'diżabilità għandhom xi ħaġa inqas? "Assolutament le," saħaq Cutajar anzi tenna li s-soċjetà tkun qed tifhem "il-weġgħat siekta" tal-persuni b'diżabilità.
Dan il-kunċett mhux ġdid u diġà jeżisti f'pajjiżi oħra bħall-Awstralja li saħansitra għandha organizzazzjoni (Australian Charity Touching Base) li tiffaċilità l-kuntatt bejn persuni b'diżabilità u l-industrija tas-sess.
F'diversi stati fl-Awstralja, il-prostituzzjoni hija legali u x-xogħol kollu marbut mas-sess huma meqjus bħala impjieg legali.