Ix-xita ma ħarbtitx biss lil dawk li lbieraħ kellhom iqattgħu ġurnata jgħumu jew lil min kien qed jiċċelebra l-festa imma anke jista' jkun li għamlet ħsara lill-bajd tal-fkieren li hemm fuq il-Bajja tal-Ġnejna.
Fi stqarrija, l-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar qalet li qed tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tipproteġi l-bajd tal-fkieren u biex jinżammu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex il-bajd ifaqqas kif suppost.
Minkejja dan, hemm diversi fatturi li qed jagħmlu dan ix-xogħol diffiċili. F'din il-bajja, is-saff ta' fuq tar-ramel għandu saff ieħor ta' tafal taħtu.
L-Awtorità spjegat kif dan is-saff għandu t-tendenza li jżomm l-ilma u b'hekk inaqqas l-ammont ta' arja li l-fkieren fil-bejta jeħtieġu biex jieħdu n-nifs u jiżviluppaw kif suppost.
Lura fl-2012, seħħet maltempata tas-sajf simili, li wasslet biex ma faqqsux il-bajd fil-bejta.