Avviż! Iċċekkja d-dwal tal-Milied u tiħux riskju

L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) sabet dwal tal-Milied li jistgħu jkunu perikolużi

L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) qed tfakkar lill-konsumaturi dwar pariri bażiċi ta’ sigurtà relatati ma’ prodotti li normalment jinxtraw waqt  dan l-istaġun tal-festi, partikolarment id-dwal.

Waqt l-ispezzjonijiet dwar dawn il-prodotti, li ilhom għaddejjin ġimgħat, diġà nstabu fuq is-suq numru ta’ prodotti li mhumiex konformi.

Riċentement, saru sensiela ta’ testijiet fuq diversi settijiet tad-dawl li jistgħu jinstabu fuq is-suq Malti. Żewġ prodotti, li jidhru fir-ritratti, irriżultaw li mhumiex sikuri peress li r-riskju li jimponu dawn il-prodotti huwa dak ta’ xokk elettriku.

Minħabba l-għamla fqira ta’ dawn is-settijiet tad-dawl, xi partijiet jistgħu jinkisru u jesponu kurrent elettriku u jekk jintmessu, jista’ jwassal għal xokk elettriku u anki għall-mewt. 

L-MCCAA qed twissi l-operaturi ekonomiċi li l-prodotti msemmija hawn fuq għandhom jitneħħew immedjatament  mis-suq u titteħed azzjoni kontra min jagħżel li jkompli joffri dawn il-prodotti għall-bejgħ.

L-awtorità tagħti wkoll pariri lill-konsumaturi biex joqogħdu lura milli jużaw dawn il-prodotti u jirritornawhom minn fejn xtrawhom.

Kif għandek tkun żgur li s-sett tad-dawl huwa sigur?

L-MCCAA qed tfakkar lill-konsumaturi li, meta jixtru t-tali dekorazzjoniijiet elettriċi, għandhom dejjem ifittxu l-marka CE. Din hija indikatur importanti tal-konformità tal-prodott mal-liġijiet applikabbli tal-UE. 

Barra minn hekk, wieħed għandu jara li l-prodott għandu l-vultaġġ adattat għas-sistema elettrika lokali (230V, 50Hz); jara li t-twissijiet rilevanti bil-Malti jew Ingliż jakkompanjaw il-prodott; u li l-prodott għandu konnessjoni ta’ 3-pin diretta mas-sistema elettrika lokali.

F’każ li l-konsumaturi jkollhom kwalunkwe diffikultajiet rigward is-sigurtà tal-prodotti msemmija hawn fuq jew dwar prodotti oħrajn, huma mħeġġa li jikkuntattjaw id-Divizzjoni għar-Regolamenti Tekniċi fi ħdan l-MCCAA fuq 2395 2000 jew [email protected].

More in Socjali