Erkondixiner jew air conditioner? Il-Kunsill tal-Malti jiddeċiedi dwar il-kliem mill-Ingliż
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti ppubblika t-tieni sett ta’ Deċiżjonijiet, din id-darba dwar il-kliem mill-Ingliż fil-Malti. Kif se niktbuhom? L-ILLUM tagħti ħarsa lejn dawn id-deċiżjonijiet
minn Yendrick Cioffi
Jekk qed nikteb bil-Malti, se nikteb fire engine jew fajerenġin? Roundabout jew rawndebawt? Għalkemm ma tantx għamlu ħoss, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti ppubblika t-tieni sett ta’ deċiżjonijiet li din id-darba jiffukaw fuq il-kitba tal-kliem mill-Ingliż għall-Malti.
Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn dan id-dokument u fil-qasir se tipprova tfiehem kif għandna niktbu dan il-kliem li daħal sew fil-vokabularju tagħna.
Jekk ma tifhimx mill-ewwel tinkwetax. Għalkemm id-deċiżjonijiet saru uffiċjali fil-11 ta’ Diċembru ta’ din is-sena, ingħata moratorju ta’ ħames snin sakemm jindraw u jidħlu fis-seħħ fil-11 ta’ Diċembru tal-2023.
Ħarsa lura…kif kellna niktbu l-kliem Ingliż?
Għalkemm ftit kienu jafu, skont iż-Żieda mat-Tagħrif li saret uffiċjali fl-1984, kelma barranija titqies bħala Maltija meta tkun aċċettata u użata mill-poplu. Għalhekk, skont din ir-regola tal-Akkademja tal-Malti, kelma mill-Ingliż kellha tinkiteb fonetikament, jiġifieri kif tinstema.’
Jiġifieri, qabel il-ħruġ ta’ dawn id-Deċiżjonijiet il-ġodda, anke jekk aktar jidhru qishom Ġermaniż, suppost konna qed niktbu ‘erkondixiner’ (air conditioner) jew ‘majkrowejv’ (microwave).
Minkejja din ‘ir-regola,’ kulħadd kien qed jikteb kif irid. Min jiktibhom fonetikament (jiġifieri kif jinstemgħu), min iħallihom bl-Ingliż imma jiktibhom bil-korsiv jew bejn il-virgoletti, oħrajn jiktbu ċertu kliem la Maltija (kompjuter jew friġġ) u oħrajn iħalluhom bl-Ingliż (cooker jew geyser), insomma kulħadd bir-regoli tiegħu.
Għalhekk inħasset il-ħtieġa li jkunu żviluppati regoli ċari li joffru stabbilità fil-Malti miktub.
Jekk hemm kelma Maltija, tiġi l-ewwel u qabel kollox
Kull min ipoġġi bilqiegħda biex jikteb (iżda anke biex jitkellem) għandu l-ewwel u qabel kollox jassigura li mhux qed juża kelma bl-Ingliż meta diġà għandna kelma għaliha bil-Malti.
Id-dokument jagħti dawn l-eżempji: Għalfejn għandi nikteb ‘tickets’ meta bil-Malti għandna l-kelma ‘biljetti,’ jew għalfejn għandi nikteb ‘xtrajt il-presents kollha tal-Christmas,’ meta nista’ faċilment nikteb ‘xtrajt ir-rigali kollha tal-Milied?’
Imma din ir-regola mhux dejjem tgħodd!
Ġieli jkollna bżonn nużaw kliem bl-Ingliż għax dan ikollu tifsira speċifika.
Pereżempju: Waqt li niktbu ‘x’inhi d-data tal-lum?’ u mhux ‘x’inhi d-date tal-lum?’ ma nistgħux niktbu ‘ilbieraħ John kellu data.’ F’dan il-każ, il-kelma Ingliża ‘date’ għandna niktbuha kif inhi bl-Ingliż, għax għandha tifsira speċifika.
Imma l-kliem bl-Ingliż kif għandi niktbu?
Il-mistoqsija l-aktar komuni tibqa’ dik dwar kif għandu jinkiteb il-kliem Ingliż li daħal sewwa fil-vokabularju Malti.
Il-Kunsill tal-Malti, iwieġeb din il-mistoqsija bi tliet tarġiet:
- Kelma mill-Ingliż għandha tinkiteb la Maltija meta hija tista’ tintgħaġen mal-grammatika Maltija bħal ngħidu aħna meta tingħata l-plural (ħlief għal dak mill-Ingliż ‘-s’) jew inkella meta ssir verb. Pereżempju: ‘dixx’ għax ngħidu ‘dixxijiet’ jew inkella ‘strajkja,’ ‘ċċarġja,’ jew ‘ipparkja.’
- Kwalunkwe kelma komposta minn żewġ kelmiet jew aktar għandha titħalla bl-Ingliż. Għalhekk niktbu dejjem: ‘volleyball,’ ‘part-time,’ ‘fire extinguisher’ u ‘fire engine.’
- Kliem ieħor mill-Ingliż li ma daħalx fil-grammatika Maltija (bħal tal-ewwel tarġa) u li lanqas hu kompost, jista’ jitħalla kif inhu jew jinkiteb la Maltija. Dan jgħodd ukoll għan-nomi li jieħdu l-plural mill-Ingliż ‘-s.’ Pereżempju nistgħu niktbu: ‘screen’ jew ‘skrijn,’ ‘ground’ jew ‘grawnd.’ Importanti dejjem li min jikteb ikun konsistenti fil-forma li jagħżel, mhux jikteb: ‘Kien hemm ħsara fl-iskrijn tal-ground.’
Mela, fi ftit kliem:
- Inħalliha miktuba bl-Ingliż: jekk hija kelma komposta minn żewġ kelmiet jew aktar (roundabout, shock absorber)
- Niktibha bil-Malti: jekk kelma bl-Ingliż hija integrata fil-grammatika Maltija (Nomi: brejk – brejkijiet, Verbi: ċċarġja – ċċarġjajna – tiċċarġja)
- Nagħżel niktibhiex bil-Malti jew l-Ingliż: jekk kelma mhijiex integrata fil-grammatika Maltija jew inkella hija nom li jieħu l-plural Ingliż ‘-s.’ Il-Kunsill jispjega wkoll li jekk il-forma miktuba ma titbigħedx viżwalment mill-forma Ingliża nista’ niktibha la Maltija: ‘ħelikopter – ħelikopters.’ Iżda, jekk il-forma miktuba titbiegħed ħafna mill-forma Ingliż, allura aħjar inħalliha bl-Ingliż: ‘shutter’ aħjar milli ‘xater.’
Jekk kelma se niktibha bl-Ingliż għandi nimmarkaha?
Ma nimmarkahiex: fil-kitba jew inkella f’dokumenti jew grafika elettronika u ppubblikata.
Nista’ nimmarkaha: f’kuntest ta’ tagħlim jew inkella f’materja maħsuba għal tfal ta’ età bikrija. F’dawn il-każi, kelma tista’ tkun immarkata bil-virgoletti, bil-korsiv jew b’modi oħra.
Punti oħra importanti…
- Meta kelma tinkiteb la Maltija għandha tinkiteb fonetikament kif tinstema’ bil-Malti skont ir-regoli tal-ortografija Maltija. Pereżempju ‘kompjuter’ mhux ‘komputer.’
- Kliem mill-Ingliż miktub la Maltija li jifforma l-plural tiegħu biż-żieda ta’ ‘-s’ fit-tarf tal-kelma bis-singular, għandha tinkiteb dejjem bis-‘s’ anke meta tinstema ‘ż’ bħal: ‘klabbs.’
- L-element ‘ex’ jista’ jibqa’ jinkiteb ‘ex’ jew inkella fonetikament ‘eks.’ Fiż-żewġ każi, dan għandu jinkiteb separatament mill-kelma. Jiġifieri niktbu ‘l-ex Prim Ministru jew l-eks Prim Ministru.
- Il-kelma ‘extra’:
- Meta tintuża bħala prefiss tingħaqad mal-kelma ta’ warajha u dejjem għandha tintuża la Maltija, jiġifieri ‘ekstra,’ bħal ‘ekstrakurrikulari.’
- Meta tintuża f’sens aġġettivali, għandha tinkiteb la Maltija iżda separata: ‘żejt ekstra verġni.’
- Meta tintuża bħala nom tinkiteb jew la Ingliża jew la Maltija. Għalhekk nistgħu niktbu ‘extra għall-film,’ jew ‘ekstra għall-film.’
- Il-vokali tal-leħen:
- Quddiem nomi jew titli ta’ persuni mill-Ingliż li jew ma jinkitbux la Maltija jew li l-kittieb jagħżel li jħallihom bl-Ingliż, din għandha tinkiteb ħaġa waħda man-nom, bħal ‘l-ispanner’ jew l-ispeaker Anġlu Farrugia.’
- F’każ ta’ nomi propji mill-Ingliż, bħall-ismijiet ta’ pajjiżi, ditti, organizzazzjonijiet u oħrajn, li ma jinkitbux la Maltija, din tinkiteb żgħira u l-isem jinkiteb b’ittra kbira, bħal ‘l-iSprite,’ jew ‘l-iSplash and Fun.’
- L-Artiklu:
- Anke quddiem kliem miktub mhux la Maltija, l-artiklu jinkiteb dejjem skont kif inlissnuh. Pereżempju: ‘ix-show’ jew ‘is-central heating.’
Aktar informazzjoni:
Dan l-artiklu ta ħarsa ħafifa lejn id-Deċiżjonijiet 2 u pprova jindirizza l-mistoqsijiet l-aktar komuni li jsaqsu l-kittieba.
Jekk wieħed irid jidħol aktar fid-dettall ta’ dawn id-deċiżjonijiet jista’ jidħol fuq is-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti: www.kunsilltalmalti.gov.mt.