'Iż-żieda fil-fondi għall-kittieba u t-tradutturi kellha impatt pożittiv '

HELA hija pjattaforma li trawwem solidarjetà professjonali bejn kittieba, tradutturi, pubblikaturi u edituri bl-għan li jissaħħaħ is-settur letterarju. Tul ix-xhur li ġejjin

Nhar l-14 ta' Marzu saret  laqgħa ta’ diskussjoni HELA - The Hub for Excellence in the Literary Arts, 14 ta’ Marzu 2019

Is-settur letterarju Malti mimli opportunitajiet għat-tkabbir u żvilupp, kemm lokalment, kif ukoll internazzjonalment. Tul dawn l-aħħar snin, rajna progress konsiderevoli f’dal-qasam, grazzi għal strutturi u fondi ġodda li wittew it-triq għal qabżiet kwalitattivi u professjonali li qabel ma kinux possibbli. Dan kien il-ħsieb ewlieni tal-ewwel diskussjoni pubblika organizzata mill-Fondazzjoni HELA - The Hub for Excellence in the Literary Arts.

HELA hija pjattaforma li trawwem solidarjetà professjonali bejn kittieba, tradutturi, pubblikaturi u edituri bl-għan li jissaħħaħ is-settur letterarju. Tul ix-xhur li ġejjin, il-Fondazzjoni se toffri sensiela ta’ laqgħat, korsijiet ta’ taħriġ u avvenimenti maħsuba biex jindirizzaw xi lakuni li għad hemm fis-settur.

Clare Azzopardi, fil-preżentazzjoni tal-ftuħ, qalet li f’dawn l-aħħar għaxar snin, iż-żieda fil-fondi għall-kittieba u t-tradutturi kellha impatt pożittiv fuq in-numru ta’ pubblikazzjonijiet fis-suq Malti. Madanakollu, innutat li għad hemm nuqqasijiet vitali bħal assoċjazzjonijiet professjonali, edituri u aġenti letterarji, u statistika dwar ix-xiri u l-bejgħ tal-kotba f’Malta.

Waqt id-diskussjoni ġie identifikat il-bżonn kritiku ta’ figuri li jirriflettu l-valur monetarju reali tal-professjoni tal-kitba u tal-pubblikazzjoni li s’issa ma jeżistux. Ġie nnutat ukoll li HELA tista’ tippromwovi standards iktar rigorużi li jiggarantixxu kwalità ogħla ta’ pubblikazzjonijiet lokali.

HELA hija pjattaforma parzjalment iffinanzjata mill-Kunsill Malti għall-Arti. Għal iktar informazzjoni, żuru l-paġna ta’ HELA fuq Facebook jew www.maltalit.com.

More in Socjali