Il-Linja Nazzjonali tal-Ajru, l-Air Malta, nediet uffiċjalment it-titjira tagħha ta’ darba fil-ġimgħa lejn Tbilisi, il-Kapitali tal-Georgia.
It-titjira qed issir nhar ta’ Ħamis sat-18 ta’ Settembru, bis-servizz jista’ jkun estiż skont id-domanda.
Din hija l-ewwel darba li l-Air Malta qed topera titjiriet skedati lejn il-Georgia.
Skont il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, Clifford Chetcuti, din it-titjira se tkun qed tiftaħ suq ġdid u mistennija tiġġenera madwar 3,000 klijent lejn iż-żewġ naħat.
Fi stqarrija, l-Air Malta spjegat kif flimkien mal-Grupp tal-Ivvjaġġar InterCo is-sieħeb operattiv tat-tours tal-linja tal-ajru fil-Georgia, l-Air Malta fformulat pjan biex tistabbilixxi rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-pjan mistenni jiffaċilita arranġamenti tal- ivvjaġġar għall-Georgjan biex iżuru l-Gżejjer jew destinazzjonijiet Ewropej oħra permezz tan-netwerk ta’ titjiriet li topera l-Air Malta fl-Ewropa.
Fl-istess waqt l-Air Malta issa qed toffri lill-pubbliku Malti destinazzjoni oħra ġdida u sabiħa li jistgħa jżur.