Hawn invażjoni ta’ bram? Jew normali f’dan iż-żmien? L-ILLUM tistaqsi
Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Professur Alan Deidun dwar il-bram. Hawn aktar bram mis-soltu? Il-bram kollu perikoluż? Kif tkun taf? U x’tagħmel jekk titniggeż? Jaf x’kienet il-ħuta kbira li ntlemħet f’Birżebbuġa?

minn Yendrick Cioffi

Il-bram. Bla dubju ta’ xejn mhumiex l-akbar ħbieb tal-għawwiema Maltin anzi x’aktarx li joffrulhom l-akbar uġigħ ta’ ras, aktar min kemm se teħodhom ix-xemx jew inkella jekk hux se jsibu post fuq il-bajjiet.
Ħafna ilmentaw li din is-sena hawn ħafna aktar bram mis-soltu, iżda dan huwa minnu? Vera li żdiedu l-bram? L-Ambjentalista, il-Professur Alan Deidun, wieġeb lill-gazzetta ILLUM u insista li ma hawn l-ebda invażjoni ta’ bram u l-ammont ta’ bram li dehru din is-sena huwa fl-istess ilmijiet tas-snin l-imgħoddija.
Li ġara, kompla jispjega l-Professur, huwa li l-brama vjola (Mauve Stinger), l-aktar brama komuni u li kulħadd jitwerwer minnha, għażlet li tidher aktar tard mis-soltu.
Fil-fatt, skont Deidun, normalment din il-brama tidher l-aktar fi gzuz f’April, meta ftit huma dawk li jkunu bdew jgħumu, iżda din is-sena, il-brama l-vjola, dehret l-aktar f’Ġunju meta ħafna bdew jgħumu minħabba s-sħana li kkargat f’salt.
Iżda fil-bajjiet tagħna ma tidhirx biss il-brama vjola. Hemm ħafna bram ieħor li ħadd ma jieħu gost bih, anke jekk dawn l-ispeċi differenti mhux kollha jniggżu, jew inkella t-tingiża tagħhom mhijiex kbira.
Il-Professur Deidun spjega kif mill-bram li jidher fil-bajjiet Maltin, hemm erba’ speċi biss li jniggżu. Tmienja oħra ma jniggżux jew inkella mhux kulħadd ikollu l-istess reazzjoni meta jmiss magħhom.

Fil-fatt, kompla jispjega l-Professur, hemm bram li jaf ma jagħmel xejn lil persuna, iżda jniggeż ftit lil ħaddieħor. “Mhux kulħadd ikollu l-istess reazzjoni,” spjega Deidun.
Din l-informazzjoni kollha tinsab fuq il-kartelluni li wieħed jista’ jsib mifruxa fuq l-bajjiet. Il-Professur Deidun spjegalna kif ħafna mill-bram jiddistingwi ruħu minn speċi oħra u għalhekk persuna, jekk tħares lejn dawn il-kartelluni, faċilment tkun tista’ tifhem jekk il-bram li jkun intlemaħ ikunx perikolużi jew le.
Sfortunatament hemm bram ieħor li ma tantx jidher, fosthom dik magħrufa bħala ‘box jellyfish.’ Anke jekk din tniggeż ħafna u hija trasparenti, l-ambjentalista spjegalna kif din tidher l-aktar fejn ikun hemm ħafna dgħajjes, bħal marinas u allura fejn ma tantx isir għawm.
Mistoqsi jekk hemmx xi brama li qed issir aktar komuni, Deidun semmielna dik magħrufa bħala ‘s-cigar jellyfish.’ Fi kliemu, din il-brama tiddistingwi ruħha għax qisha l-gear tal-Ingliżi, għax il-kulur tagħha jagħti fl-aħmar u fuqha għandha bħal salib abjad.

Din il-brama hija waħda minn dawk li ma tniggiżx, jew inkella li t-tingiża tagħha hija waħda ħafifa, skont il-persuna. Din it-tip ta’ brama tidher l-Għadira.
Għandek ittella’ l-bram mill-baħar?
Mhux l-ewwel darba li meta jkun hemm ħafna bram, issib persuna jew tnejn li jieħu l-inizjattiva, jaqbdu kopp u jtellgħu l-bram mill-baħar u jitfgħuhom fuq il-blat jew inkella taħt ir-ramel.
Iżda dan għandu jsir? Deidun, insista li għalih hija moħqrija li jittellgħu mill-baħar dawk il-bram li ma jniggżux jew inkella li t-tingiża tagħhom hija ħafifa u mhix perikoluża.
Semma pereżempju l-brama magħrufa bħala l-qassata, jew inkella tal-lampuki, jiġifieri brama mdaqqsa u sabiħa ħafna. Il-kuluri tagħha huma kannella fl-isfar, tgħum fil-wiċċ tal-baħar u fiha jistkenn ħut żgħir.
Il-Professur saħaq li jifhem li tittella’ l-brama l-vjola meta jkun hemm ħafna minnha iżda appella lil dawk li jtellgħu l-bram biex joqogħdu attenti fejn jitfgħuhom.
Spjega kif anke wara ġimgħat li brama tkun mietet, it-tentakli jibqgħu jniggżu u għalhekk huwa perikoluż li wieħed jidfinhom fir-ramel jew inkella jħallihom imutu fuq il-blat.
Il-ħall tajjeb għal meta titniggeż minn brama?
Tisma’ ħafna teoriji ta’ x’għandek tagħmel jekk tniggżek brama. Min jgħidlek uża l-ħall u min jgħidlek għatti t-tingiża b’pakkett kiesaħ. Imma dawn il-metodi dejjem japplikaw? Ir-risposta hija le.
Fil-fatt, l-inizjattiva Spot the Jellyfish, li l-Professur Alan Deidun tant jimbotta, toffri informazzjoni utli ħafna ta’ wieħed x’għandu jagħmel jekk jitniggeż minn brama. Fuq is-sit ta’ Spot the Jellyfish issib saħansitra fuljett bl-informazzjoni, liema informazzjoni tinsab ukoll fuq it-tabelli fil-bajjiet.
X’għandek tagħmel jekk titniggeż mill-brama l-vjola?
Kif spjegat f’dan l-artiklu, din il-brama hija l-aktar komuni. Għall-kuntrarju ta’ dak li jaħsbu ħafna, għat-tingiża tal-brama l-vjola, il-ħall ma għandux jintuża u lanqas l-ilma ġieri, l-alkoħol jew faxex issikkati.
L-aħjar ħaġa tkun li wieħed jaħsel it-tingiża bl-ilma baħar mingħajr ma jogħrok u jekk possibbli japplika wkoll ftit baking soda. Wara, permezz ta’ kard tal-plastik għandu jobrox bil-mod it-tingiża biex tneħħi tentakli li jistgħu jkunu mwaħħla u fl-aħħar nett tpoġġi pakketti kesħin, bħal basket bis-silġ jew xarba kiesħa mgeżwra f’ċarruta jew flokk.
U jekk titniggeż mill-box jellyfish?
F’dan il-każ il-ħall japplika, iżda qabel, it-tingiża xorta waħda għandha l-ewwel tinħasel bl-ilma baħar. Wara tkun tista’ tlaħlaħ bil-ħall jew inkella b’taħlita ta’ ilma baħar u baking soda għal żewġ minuti.
Il-kard tal-plastik tapplika wkoll f’dan il-każ, iżda wara, flok b’pakketti kesħin, fuq it-tingiża għandu jitpoġġa pakkett sħun bejn 10 u 20 minuta. Jekk l-uġigħ jippersisti, il-pakkett sħun jista’ jerġa’ jkun applikat għal 10 minuti oħra.
X’għandek tagħmel jekk titniggeż mis-cigar jellyfish?
Kif spjegat it-tingiża ta’ din il-brama mhix kbira ħafna, imma ġaladarba hija komuni, tajjeb li wieħed ikun jaf x’metodu għandu juża.Anke hawn l-ewwel pass għandu jkun it-tlaħliħ bl-ilma baħar u wara jerġa’ japplika l-ħall jew inkella taħlita ta’ ilma baħar u baking soda. Wara li tobrox b’kard tal-plastik, it-tingiża għandha titgħatta b’xi ħaġa kiesħa.
F’każ li persuna titniggeż minn brama li ma tkunx taf x’inhi, jew inkella mhix magħrufa, il-ħall u pakketti sħan ma għandhomx jintużaw.
Deidun jappella biex fil-każ li persuna ma tkunx tista’ tieħu nifs sew jew inkella jkollha sintomi ta’ allerġija, fost oħrajn, għandha tfittex l-attenzjoni medika immedjata.
Liema huma l-aktar bram li jniggżu u komuni? Kif tagħrafhom mit-tingiża?

- Il-brama l-vjola: Tingħaraf mill-kulur vjola tagħha u tgħum viċin wiċċ l-ilma. Hija komuni ħafna. It-tingiża tagħha toħloq sensazzjoni ta’ ħruq, uġigħ intensiv, infjammazzjoni u ħmura fil-ġilda. Is-sintomi komuni tagħha huma bżieżaq, infafet u skorċa.
- Il-box jellyfish: Qisha umbrella forma ta’ kaxxa b’erba’ tentakli wesgħin. Hija trasparenti u ġieli tagħti fl-ikħal. Tinstab l-aktar f’ilmijiet baxxi. It-tingiża tagħha tweġġa’ ħafna imma għal perjodu limitat. Normalment jidhru bżieżaq ħomor fuq il-ġilda

L-aktar brama perikoluża fil-Mediterran hija l-Portuguese Man O’War. Deidun spjega kif din il-brama mhijiex komuni f’Malta, tidher waħda ’l hemm u ’l hawn fir-rebbiegħa. Tingiża minn din il-brama kienet waslet biex persuna tilfet ħajjitha (mhux f’Malta), l-uniku każ ta’ persuna li mietet kawża ta’ tingiża minn brama fil-Mediterran

In-Nomadic Jellyfish hija wkoll speċi perikoluża. Deidun spjega kif din daħlet mill-Kanal ta’ Swejż u għalhekk hija speċi aljena fil-Mediterran. F’Malta mhijiex komuni iżda fl-Eġittu għalqet bajjiet sħaħ.
Fejn l-aktar li qed ikun hemm bram din is-sena?
Bis-saħħa tar-rapporti tal-pubbliku dwar il-bram, l-inizjattiva Spot the Jellyfish, fuq is-sit tagħha, toffri informazzjoni dwar f’liema bajjiet u nħawi l-aktar li jkun qed jidher il-bram.
Deidun spjega li ovvjament dan jiddependi xi ftit jew wisq ukoll mill-popolarità tal-bajja, iżda din il-mappa tista’ tagħti indikazzjoni ta’ fejn l-aktar li qed jinġabar il-bram.
Skont ir-rapporti li daħlu din is-sena, l-aktar bajja li fiha ntlemħu bram hija dik ta’ Għajn Tuffieħa u warajha Blue Lagoon. Fiż-żewġ każijiet, il-bram li ntlemaħ kien iniggeż.
Wara dawn il-bajjiet popolari, intlemħu wkoll aktar brim milli jniggeż f’Golden Bay u l-Ġnejna.
Bram iniggeż intlemaħ ukoll f’Tas-Sliema, biswit l-Exiles, fl-inħawi tas-Salini, fir-Ramla tal-Bir (Ċirkewwa), fil-port tal-Imġarr u anke fil-Qbajjar f’Marsalforn.
U s-sena li għaddiet fejn intlemaħ l-aktar bram?
Kieku wieħed kellu jqabbel dan mas-sena li għaddiet, skont l-istess mappa, l-akbar ammont ta’ bram intlemaħ f’Għar Lapsi. Il-maġġoranza tal-bram kienu jniggżu, iżda ntlemaħ diversi drabi bram li ma jniggiżx ukoll.
Ammont kbir ta’ bram li jniggeż kien intlemaħ ukoll fi Blue Lagoon, f’Golden Bay, il-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa, fir-Ramla tal-Pwales u s-Salini.
Ħafna bram intlemaħ ukoll fl-Għadira, iżda għall-kuntrarju ta’ bajjiet oħra, il-maġġoranza kienu speċi li ma jniggżux jew li jniggżu inqas.
F’Għawdex l-aktar li ntlemħu bram kien fix-Xlendi, fejn intlemħu l-aktar bram li jniggeż, iżda anke bram ieħor.

X’għandek tagħmel jekk tilmaħ bram?
Ma’ din il-gazzetta, il-Professur Alan Deidun appella lil dawk kollha li jaraw il-bram biex jidħlu fis-sit ta’ Spot the Jellyfish u jimlew il-formola li hemm apposta. B’hekk ikunu jistgħu jaġġornaw il-mappa u joffru informazzjoni aktar preċiża dwar fejn qed ikun hemm l-aktar bram u jekk hux perikoluż.Wieħed jista’ wkoll iniżżel b’xejn l-app ta’ Spot the Jellyfish fejn ikun jista’ jirrapporta iżda anke jniżżel informazzjoni utli dwar il-bram u t-trattament għat-tingiż.
Wieħed jista’ jċempel ukoll fuq 79604109.
U x’kienet dik il-ħuta kbira li ntlemħet f’Birżebbuġa
Tkellimna wkoll mal-ambjentalista dwar il-ħuta kbira li kienet intlemħet f’Birżebbuġa u li dwarha ma kien issemma xejn aktar.
Deidun insista li ma jafx x’kienet dik il-ħuta għax ma reġgħetx dehret. “Setgħet kienet kelb il-baħar, setgħet kienet tonn jew ħuta oħra.”
Dwar il-possibbilità li din kienet kelb il-baħar, il-Professur Deidun insista li l-fatt li l-klieb il-baħar kollha għandhom isem bil-Malti, ifisser li s-sajjieda Maltin huma familjari tagħhom. Fi kliemu, għalkemm dawn mhux komuni li jintlemħu viċin il-kosta, ma jfissirx li ma hawnx minnhom, waqt li fakkar li fil-Mediterran hawn madwar 50 speċi ta’ kelb il-baħar.
Fost dawn semma l-ħuta kaħla (blue shark) li l-aħħar li ntlemaħ f’Malta kien propju s-sena li għaddiet, bejn iż-Żurrieq u Filfla.
Mistoqsi jekk dawn humiex perikolużi, partikolarment il-ħuta l-kaħla li ġieli ntlemħet Malta, Deidun wieġeb fin-negattiv.
Insista li kelb il-baħar jattakka l-bniedem għax ikun hemm raġuni għax ġeneralment dan jippreferi jmur għal xi ħaġa aktar faċli biex jaqbad. Fi kliemu, jekk kelb il-baħar iweġġa’ huwa u jattakka, id-daqqa taf tkun fatali.
“Huma għandhom jibżgħu minna mhux aħna. 90% tal-klieb il-baħar fil-Mediterran huwa kważi estinti” saħaq Deidun. “Ħafna minnhom mhux perikolużi anzi huma importanti għax inaddfu l-ħut dgħajjef u jżommu l-ispeċi aktar b’saħħitha.”


