Wara ħames snin foster carer issa jista' jitlob li jaddotta
Il-Ministru Falzon faħħar ukoll lil dawk kollha li kellhom sehem matul il-konsultazzjoni pubblika, kif ukoll is-sehem tal-Oppożizzjoni
More in Socjali
Il-Ministru Falzon faħħar ukoll lil dawk kollha li kellhom sehem matul il-konsultazzjoni pubblika, kif ukoll is-sehem tal-Oppożizzjoni
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis filgħodu, l-Ministru Michael Falzon elenka numru ta’ bidliet li daħlu fis-seħħ grazzi għal-Liġi għall-Protezzjoni tal-Minuri.
Din il-liġi li se tkun qed tipprovdi ordnijiet għall-protezzjoni tal-minuri u li tistabbilixxi ħarsien alternattiv u protezzjoni xierqa għall-istess minuri. L-għan ta’ dan l-Att huwa li f’kull mument għandu jkun imħares, protett u mogħti prijorità l-aqwa interess tal-minuri li jkunu mċaħħda mill-ħarsien tal-ġenituri jew li huma f’riskju li hekk jiġu mċaħħda. Dan filwaqt li tkun assigurata l-permanenza tal-kura mogħtija lill-minuri fl-iqsar żmien possibbli.
Permezz ta’ dan it-tibdil, meta minur ikun ilu fil-kura u kustodja ta’ foster carers għal aktar minn ħames snin, il-foster carer, issa, jista’ jitlob li jaddotta.Punt ieħor importanti huwa illi f’ċirkostanzi straordinarji u biss wara tliet Review Reports pożittivi dwar il-fostering ta’ dak il-minuri, il-Qorti ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja tista’ tilqa’ talba għall-adozzjoni tal-minuri anke jekk il-minuri jkun ilu fil-kura u kustodja tal-foster carer għal tliet snin. Adozzjoni f’dawn iċ-ċirkostanzi għandha tingħata bil-kundizzjoni li d-drittijiet ta’ aċċess għal dak il-minuri jkunu kemm jista’ jkun miftuħa għall-ġenituri bioloġiċi u għall-aħwa, sakemm dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri.
Apparti minn hekk, issa se jingħata d-dritt lil ġenituri jew dak li għandhom kustodja tat-tfal, biex jappellaw mid-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun ittieħdet fil-konfront tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-konsulent ewlieni fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, l-Avukat Andy Ellul, stqarr li se jissaħħaħ ukoll il-Bord ta’ Reviżjoni għall-Ħarsien tal-Minuri. Tant li minn issa, f’dan il-Bord għandu jkun hemm chairperson li jkollu warrant ta’ avukat, jew professjonist ieħor bil-warrant fil-qasam soċjali u li jkollu mill-inqas ħames snin esperjenza professjonali fil-liġi tal-familja jew tal-minuri, jew ikun espert fil-qasam soċjali u ħadem fl-istess qasam għal minn tal-anqas ħames snin.
Din il-liġi se tara wkoll li fost oħrajn jinbena ċentru terapewtiku professjonali għal minuri li jesebixxu attitudni konfrontiva u diffiċli, u li permezz ta’ team ta’ professjonisti u ambjent xieraq jingħataw edukazzjoni u tagħlim xieraq.
Il-Ministru Falzon faħħar ukoll lil dawk kollha li kellhom sehem matul il-konsultazzjoni pubblika, kif ukoll is-sehem tal-Oppożizzjoni, li tul il-mixja ta’ dan l-Att, ikkonsultaw b’mod attiv u matur.