
Ritratti | It-Tarzna ta’ Malta mibdula f’pulmun attraenti għal tal-Kottonera
L-ILLUM tat ħarsa lejn proġett akkademiku minn studenti tal-Arkitettura fl-Università ta’ Malta li jagħti ħajja ġdida lit-Tarzna

minn Liam Carter

Serviet bħala l-ħobża ta’ kuljum għal ġenerazzjonijiet sħaħ Minn żmien l-Imperu Brittanniku sal-ewwel snin tas-seklu 21, it-Tarzna kienet l-iskola formali u informali għal parti konsiderevoli ta’ Maltin u fl-istess waqt forza soċjo-politika li fasslet u xprunat bidliet kbar f’pajjiżna.
Dik li xi darba kienet l-akbar industrija f’Malta llum tista' tgħid li hi mmansat bil-privatizzar, hekk kif m’għadhiex l-iktar industrija kruċjali ekonomikament, politikament u soċjalment. Minkejja dan, xorta jibqa’ l-fatt li t-Tarzna tokkupa medda kbira ta’ art fost it-tlett ibliet, b’biċċiet minnha jinsabu fi stat dilapitat.
Din il-ġimgħa l-ILLUM eżaminat il-pjan ewlieni għat-Tarzna, xogħol Marilyn Camenzuli studenta tal-Arkitettura fl-Università ta’ Malta u li għat-Teżi għall-programm tal-Masters iddeċidiet li tagħti ħajja ġdida liż-żona tat-Tarzna, bi pjanijiet arkitettoniċi li tassew jagħtu ġieħ lill-istorja rikka tat-tlett ibliet.
Ta’ min jinnota li skont l-illustrazzjonijiet ta’ Camenzuli, partijiet mit-Tarzna jistgħu jibdew iservu bħala spazju miftuħ għar-residenti kollha tal-madwar. Ta’ min jinnota wkoll li parti mill-pjanijiet (ara illustrazzjoni 2) jinkludi skola tas-snajja’ f’dak li darba kien magħruf bħala ‘l-ħanut’ (fabrication shop) li serva bħala bejta ta’ snajja’.





Din il-gazzetta għamlet kuntatt ma’ Camenzuli u staqsietha dwar x’kienu l-fatturi li mmotivawha sabiex tagħmel dan il-proġett u finalment tagħżel it-Tarzna ta’ Malta bħala l-proġett tagħha.
Mal-ILLUM hi tisħaq illi, “bħala persuna li nħobb ħafna l-istorja ta’ pajjiżna speċjalment dik tal-epoka Britannika, dejjem xtaqt li nanalizza żoni konnessi fil-Kottonera u neżamina l-opportunitajiet li hemm.” Żiedet tgħid li xħin tefgħet għajnejha fuq it-Tarzna mill-ewwel inġibdet lejha.
Camenzuli qalet ukoll li waqt il-kors ta’ dan il-proġett semgħet diversi rakkonti fuq it-Tarzna minn nies li kienu jaħdmu hemm. “Kollha qalu kemm dan kien l-isbaħ żmien ta’ ħajjithom avolja batew ħafna hemm ġew. Ħafna minnhom qalu wkoll li bħalissa jħossuhom minsija. Wara kollox it-Tarzna kienet iċ-ċentru tal-ekonomija ta’ Malta għal żmien twil u issa qisu jintesa kollox min mindu ġiet ipprivatizzata,” saħqet Camenzuli.

