Amber, Ben Purple, Ivan Filetti u ħafna aktar għal Rockestra 2019
L-edizzjoni ta' din is-sena se ssir fit-28 ta’ Settembru fl-MFCC f’Ta’ Qali
More in Socjali
L-edizzjoni ta' din is-sena se ssir fit-28 ta’ Settembru fl-MFCC f’Ta’ Qali
Il-President George Vella, flimkien mas-Sinjura Vella nedew il-11-il edizzjoni ta’ Rockestra li se ssir fit-28 ta’ Settembru fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Id-direttur artistiku ta’ Rockestra Paul Borg Bonaci u d-direttur mużikali ta’ Rockestra Mro Sigmund Mifsud taw id-dettalji ta’ Rockestra 2019, li se tirritorna bil-kbir bi spettaklu għall-familja kollha, bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jieħdu sehem numru ta’ artisti stabbiliti fix-xena mużikali rock bħalma huma Kenneth Calleja, Errol Sammut u Ivan Filletti, kif ukoll bosta kantanti li qatt ma ħadu sehem f’Rockestra, li jinkludu lil Amber u Ben Purple.
Din is-sena fost l-artisti mistennija jkun hawn ukoll talent barrani, b’kantant barrani li ħadu sehem f’musicals fil-West End bħal Jesus Chris Superstar u WeWill Rock You, kif ukoll kantant barrani ieħor li sar famuż permezz tal-programm popolari The Voice.
Il-President George Vella saħaq kif wieħed mill-iskopijiet ewlenin huwa li dan l-avveniment jgħaqqad lill-poplu Malti u Għawdxi permezz tal-mużika, iżda fl-istess waqt min jattendi jkun qed jagħmel id-dover tiegħu li jgħin lil min huwa fil-bżonn għax il-fondi jmorru għall-MCCFF.
Il-President Vella rringrazzja lill-voluntiera involuti biex dan l-avveniment jittella’ kull sena b’tant suċċess, u rringrazzja b’mod speċjali lil Paul Borg Bonaci u Sigmund Mifsud għall-ħidma sfiqa tagħhom b’rabta ma’ Rockestra.
Il-biljetti għal Rockestra 2019 bdew jinbiegħu mil-lum. Tista’ tikseb il-biljetti bi prezz ridott għall-ewwel 10 ijiem mit-tnedija, bil-biljetti standing ikunu jiswew €12, il-biljetti seated €18, filwaqt li l-biljetti VIP se jibqgħu ta’ €50. Iktar dettalji jistgħu jinkisbu minn fuq mccf.store.
Preżenti wkoll għat-tnedija ta’ Rockestra kien hemm il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Kultura Therese Comodini Cachia.