‘L-inċidenti fuq il-bajjiet issorveljati naqsu ħafna’
Uffiċjali tal-Malta Red Cross u anke tal-Emergency Reponse and Rescue Corps jappellaw lill-pubbliku biex kemm jista’ jkun ifittex il-bajjiet fejn hemm il-lifeguards
minn Yendrick Cioffi
Mewġa ta’ sħana wara oħra u l-uniku soljev x’aktarx ikun qabża fil-baħar. Il-bajjiet qed ikunu ppakkjati bin-nies, iżda minkejja l-folol, l-inċidenti fuq dawk il-bajjiet issorveljati minn lifeguards naqsu ħafna meta wieħed iqabbel dan is-sajf ma’ sjuf oħra.
Dan kien ikkonfermat mal-gazzetta ILLUM kemm mid-Direttur tal-Operazzjonijiet tal-Malta Red Cross Robert Brincau’ u anke mill-uffiċjal tal-Emergency Response and Rescue Corps (ERRC) Shanzee Vella.
Mistoqsi dwar ix-xogħol fuq il-bajjiet matul l-aħħar ġimgħat, Robert Brincau’ qal b’sodisfazzjon li l-inċidenti fuq il-bajjiet issorveljati naqsu ħafna, tant li ma jiftakarx xi każ partikolari kbir li seħħ din is-sena.
“Is-servizzi fuq il-bajjiet żdiedu ħafna. Apparti n-nies fuq l-art, aħna għandna persuni fuq dgħajjes u anke jet skis li jkunu qed iduru l-bajjiet biex jassitu u jipprevenu l-inċidenti,” qalilna Brincau’.
Iżda apparti ż-żieda fir-riżorsi, l-uffiċjal tal-Malta Red Cross saħaq li l-edukazzjoni fost il-pubbliku żdiedet ħafna, b’mod partikolari minħabba kampanji ta’ għarfien li l-Malta Red Cross flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) wettqu matul l-aħħar xhur u snin.
“Nistgħu ngħidu li llum pajjiżna huwa wieħed mill-ftit pajjiżi Ewropej li l-lifeguarding tiegħu jilħaq il-kriterji u l-istandards Ewropej,” insista Robert Brincau’.
B’kollox, il-Malta Red Cross tieħu ħsieb il-monitoraġġ ta’ 19-il bajja, bl-ERRC tieħu ħsieb tmien bajjiet f’Għawdex u anke Kemmuna.
‘Ħafna mill-inċidenti fatali jsiru f’bajjiet fejn ma hemmx sorveljanza’
Minkejja li l-bajjiet l-aktar popolari huma ssorveljati, għad fadal bajjiet li sal-lum għad ma għandhomx lifeguards preżenti fihom.
Ikun hawn min jippreferi jagħżel dawk il-bajjiet li fuqhom ma jkunx hemm nies, iżda Brincau’ appella lill-pubbliku biex kemm jista’ jkun jagħżlu dawk il-bajjiet li huma ssorveljati.
“Ħafna mill-inċidenti fatali jew kbar qed jiġru f’dawk il-bajjiet fejn ma hemmx lifeguards,” saħaq l-uffiċjal tal-Malta Red Cross.
Fil-fatt, Brincau’, qal b’sodisfazzjon li fil-bajjiet l-aktar iffrekwentati min-nies u l-aktar esposti għall-elementi, jiġifieri dawk fil-Majjistral tal-pajjiż, bħal Golden Bay, ir-Riviera u d-Dwejra, ilu ma jkun hemm inċident fatali jew inċident kbir ’il fuq minn tliet snin.
L-istess iċ-Ċirkewwa. “Kważi kull sena kien qed jitlef ħajtu xi ħadd f’din il-bajja. Għal dawn l-aħħar sentejn ma kienx hemm inċidenti kbar f’din il-bajja,” kompla jisħaq magħna l-uffiċjal. Fil-fatt, l-anzjan li tilef ħajtu fit-23 ta’ Ġunju fiċ-Ċirkewwa, kien qed jistad f’parti li għadha mhix issorveljata.
‘Il-lifeguards ma joqogħdux b’idejhom fuq żaqqhom jistennew biex jassistu f’inċident’
Iżda xogħol il-lifeguard huwa li joqgħod bilqiegħda jħares sakemm xi ħadd jitlob l-għajnuna? “Assolutament le. Xogħolna jibda minn ħafna qabel,” insista Brincau’.
Spjega kif il-lifeguards kontinwament iżommu kuntatt man-nies, mhux biss permezz tal-bandiera li tittella’ biex tindika kemm ikun sigur il-baħar.
“Jekk naraw tfal jgħumu waħedhom, anzjani waħedhom, nies jgħumu fil-kurrenti, nies jixorbu jew inkella xi attivitajiet perikolużi, aħna se nersqu lejn in-nies u nitkellmu magħhom,” insista Brincau’.
Apparti minn hekk fakkar kif apparti l-40 lifeguard li jidhru fuq il-bajjiet, il-Malta Red Cross għandha għaxar vetturi u madwar 30 persuna oħra li jkunu qed iduru l-bajjiet, jaraw li kollox ikun kif suppost u jassistu f’każ ta’ emerġenza.
“Tinsiex. F’każ ta’ emerġenza, importanti kemm inwieġbu malajr għas-sejħa. Minuta tista’ ssalva ħajja ta’ persuna,” qalilna Brincau’ waqt li fakkar li matul ix-xhur tas-sajf is-servizz tal-Malta Red Cross ikun abbinat ukoll man-numru tal-emerġenza 112.
‘Il-lifeguards kollha fuq il-bajjiet huma ċċertifikati skont l-istandards Ewropej’
Tkellimna wkoll dwar il-koperazzjoni li jsibu l-lifeguards fuq il-bajjiet, bl-uffiċjal jisħaq li n-nies saru jirrispettawhom ħafna waqt li insista li l-lifeguards kollha fuq il-bajjiet, inkluż dawk tal-ERRC, huma ċċertifikati skont l-istandards Ewropej.
Komplejna nitkellmu dwar dawn l-istandards Ewropew, b’Brincau’ jiftaħar bil-fatt li Malta hija fost ftit pajjiżi, jekk mhux l-uniku pajjiż Ewropew, li għandha risk assesment tal-bajjiet kollha li huma ssorveljati.
Fost oħrajn, l-istandards Ewropej jiddettaw li kull bajja jrid ikollha żona għall-għawm li tkun sa 200 metru ’l bogħod mill-art jew inkella sa żewġ metri fond.
Riżultati pożittivi fi Blue Lagoon
Apparti minn hekk, Malta tmur ukoll lil hinn u hawnhekk faħħar ħafna l-inizjattiva li l-ERRC ħadet fil-bajja popolari tal-Blue Lagoon.
Brincau’ fakkar kemm din il-bajja tinħakem minn kurrenti tant li f’ġurnata ġieli ttellgħu mal-100 persuna minħabba l-kurrenti.
Kien għalhekk li saru ħbula apposta biex persuna li ssib ruħha f’diffikultà tkun tista’ taqbad mal-ħbula u almenu jkollha ma xiex iżżomm.
“Din qed ikollha riżultati eċċezzjonali,” insista Robert Brincau’.
‘Inċidenti jseħħu minħabba traskuraġni jew nuqqas ta’ għarfien tal-bajja’
Tal-istess fehma kienet ukoll Shanzee Vella li insistiet kif filwaqt li inċidenti żgħar jiġru kuljum, fosthom anke minħabba l-bram, din is-sena jidher li naqsu ħafna l-inċidenti l-kbar.
Fi kliemha, ħafna drabi l-inċidenti jseħħu minħabba traskuraġni jew inkella nuqqas ta’ għarfien tal-bajja u kien hawn li insistiet kif il-kampanji li qed isiru u anke l-preżenza tal-lifeguards qed tagħmel differenza kbira.
Fil-fatt, tul l-aħħar xhur, il-voluntiera tal-ERRC daru diversi skejjel primarji biex iqajmu kuxjenza fost it-tfal biex fuq il-bajjiet joqogħdu attenti.